L-effetti ekonomiċi tal-intelliġenza artifiċjali
L-Intelliġenza Artifiċjali għandha rwol importanti li qed jiżdied f’ħajjitna u fl-ekonomija tant li diġà qed ikollha impatt fuq id-dinja tagħna f’diversi modi. Il-kompetizzjoni dinjija biex issarraf il-benefiċċji hi iebsa, u l-mexxja dinjija – l-Istati Uniti u l-Asja – tfaċċaw fix-xena.
L-Intelliġenza Artifiċjali hi deskritta minn ħafna bħala l-makna tal-produttivita’ u t-tkabbir ekonomiku. Tista’ iżżid l-effiċjenza li biha l-affarijiet isiru u ttejjeb bis-saħħa il-proċess fit-teħid tad-deċiżjonijiet billi tanalizza ammonti kbar ta’ data. Tista’ wkoll tfassal il-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ġodda, swieq u industriji, u b’hekk issaħħaħ id-domanda tal-konsumatur filwaqt li tiġġenera dħul ġdid.
Madankollu, l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ jkollha effett li jfixkel ħafna l-ekonomija u s-soċjeta’. Uħud javżaw li din tista’ twassal għall-ħolqien ta’ ditti b’saħħithom – ċentri ta’ ġid u għarfien – li jistgħu jkollhom effetti kbar fuq l-ekonomija b’mod ġenerali. Tista’ wkoll twessa’ id-diskrepanza bejn pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw u ssaħħaħ il-bżonn għall-ħaddiema b’ċertu ħiliet filwaqt li tħalli lil oħrajn bla xogħol; din l-aħħar xejra jista’ jkollha konsegwenzi kbar għas-suq tax-xogħol.
L-esperti wkoll iwissu fuq il-potenzjal tagħha biex iżżid l-inugwaljanza, tbaxxi l-pagi u tnaqqas il-bażi tat-taxxa. Filwaqt li dan it-tħassib jibqa’ validu, m’hemm ebda kunsens fuq jekk u sa liema punt dawn ir-riskji relatati jistgħu jimmaterjalizzaw. Mhumiex partikulari, u politika disinjata tajjeb tista’ trawwem l-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali filwaqt li tikkontrolla l-effetti negattivi. L-Unjoni Ewropea għandha l-potenzjal li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-kompetizzjoni dinjija u tidderieġi l-Intelliġenza Artifiċjali f’triq li tagħmel tajjeb għall-ekonomija u ċ-ċittadini tagħha.
Sabiex dan jinkiseb, teħtieġ li l-ewwel taqbel fuq strateġija komuni li tagħmel użu mill-vantaġġi tagħha u tagħti lok sabiex ir-riżorsi tal-istati membri jintużaw bl-aktar mod effettiv.