L-ebda kompromess ma’ prinċipji kardinali
Wieħed mill-prinċipji kardinali li kull trade union għandha għal qalbha huwa dak ta’ paga ugwali għal impjiegi ta’ valur ugwali. Kien għalhekk xokkanti meta ħarġet l-aħbar li l-Malta Public Transport kienet qed tfittex li timpjega sewwieqa tal-karozzi tal-linja – permezz ta’ kuntrattur mir-Renju Unit – b’rata ta’ kważi tliet darbiet aktar mis-salarju standard stabbilit mill-ftehim kollettiv. Il-fatt li l-kumpanija marret lura u abbandunat dan il-pjan, bl-ebda mod m’għandu inaqqas mill-gravità tal-kwistjoni.
L-irtirata tal-MTP donnha kienet aktar deċiżjoni ta’ konvenjenza milli ta’ konvinzjoni. Sentiment bħal dan joħroġ mill-mod u ċ-ċirkostanzi ta’ kif ġraw l-affarijiet fl-isfond tal-kritika qawwija dwar din id-diskriminazzjoni sfaċċata kontra s-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u l-azzjoni industrijali imminenti li kienet se tieħu l-UHM Voice of the Workers.
Fl-eqqel tal-kontroversja, il-kumpanija allegatament iddefendiet id-deċiżjoni tagħha billi sostniet li din ma kienet tfisser ebda diskriminazzjoni jew illegalità. Barra minn hekk, ipprovat iżomm lura mill-kwistjoni billi qalet li ma kellhiex x’taqsam mal-kuntratti individwali li kienu qed jiġu offruti mill-kuntrattur tar-Renju Unit. Fl-aħħar mill-aħħar, konna se nispiċċaw f’sitwazzjoni biex xi sewwieqa jitħallsu tliet darbiet daqs il-kollegi tagħhom talli għamlu vjaġġi identiċi bl-istess karozzi tal-linja. Jekk din mhix diskriminazzjoni sfaċċata diffiċli timmaġina kif tista’ tiddeskriviha b’mod ieħor.
Issa li l-kwistjoni ikkalmat hemm konsiderazzjoni oħra li trid tħares lejn. Minn perspettiva finanzjarja l-fatt li l-kumpanija kienet lesta li toffri ħlas ogħla jqajjem diversi mistoqsijiet. Għaliex ma sar l-ebda tentattiv ġenwin biex jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-paga bażika tas-sewwieqa eżistenti biex dan ix-xogħol ikun aktar attraenti għas-sewwieqa Maltin u barranin? Il-kumpanija lesta tammetti li wettqet żball gravi u tpoġġi dan il-kapitlu warajha u tiltaqa’ mal-unjin biex ittejjeb il-pakkett eżistenti għall-ħaddiema tagħha?
Barra minn hekk, huwa ta’ tħassib li pjan bħal dan mhux biss ġie mfassal iżda wkoll eżegwit sal-aħħar nett. Anke wara li abbandunat dan ir-reklutaġġ, il-kumpanija insistiet li aġixxiet skont il-liġi. Jekk dan hu l-każ, hemm difetti serji fil-liġijiet tax-xogħol Maltin li jridu jiġu indirizzati mill-aktar fis. Fl-isfond li l-gvern dan l-aħħar ħabbar l-intenzjoni tiegħu hi li jistudja l-wage regulation orders, iż-żmien hu verament opportun biex issir din ir-riforma tant meħtieġa.