‘L-antisemitiżmu u ċ-ċaħda tal-Olokawst għadhom fostna’
Il-President tal-Iżrael talab lill-MPE biex jaħdmu biex jeqirdu l-antisemitiżmu fl-Ewropa u jadottaw id-definizzjoni ta’ antisemitiżmu tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst.
Fil-ftuħ taċ-ċerimonja ta’ kommemorazzjoni, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sejħet l-Olokawst “l-akbar reat tal-istorja. Reat maħsub biex ineħħi poplu mill-art. Reat imfassal biex jikkawża orrur fuq il-ġenerazzjonijiet. Delitt li sawwar il-proġett Ewropew modern tagħna, f’inkarnazzjoni tal-wegħda eterna: Qatt aktar”.
Hija rrimarkat li l-Olokawst ma seħħx mil-lum għal għada u li l-allarm kellu jinstema’ ħafna qabel ma eventwalment seħħ. Minkejja s-snin li għaddew, jibqa’ essenzjali li nkomplu nfakkru l-Olokawst għax l-antisemitiżmu għadu jeżisti, u għax din hija l-aħħar ġenerazzjoni li kisbet rakkonti diretti minn min salva mill-Olokawst, kompliet il-President Metsola.
Il-Parlament Ewropew dejjem se jiddefendi l-valuri tar-rispett, id-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u t-tama, hija wegħdet, u żiedet li l-Parlament qatt mhu se jissikket fil-ġlieda tiegħu biex jiddefendi l-valuri umani u kontra l-mibegħda u d-diskriminazzjoni.
Il-President tal-Iżrael Herzog fetaħ l-indirizz tiegħu billi qal: “Ninsab quddiemkom illum bħala l-President tal-Istat tal-Iżrael, l-istat nazzjonali demokratiku tal-Poplu Lhudi, imma qalbi u ħsibijieti huma ma’ ħuti li nqatlu fl-Olokawst, fejn l-uniku reat tagħhom kien il-Lhudija tagħhom u l-umanità li kellhom.”
“L-Ewropa ma setgħetx tkun dik li hi mingħajr il-Lhud”, qal il-President Herzog, iżda l-antisemitiżmu, “bħal marda awtoimmuni”, għamel li l-Ewropa attakkat parti mid-DNA tagħha stess, u storja kondiviża twila millenji tħassret. Huwa enfasizza li dan l-antisemitiżmu ma seħħx fi spazju vojt iżda li “l-magna tal-mewt Nażista ma kinitx irnexxielha twettaq il-viżjoni ta’ orrendi tagħha kieku ma kienx hemm ħamrija fertili bil-mibegħda kontra l-Lhud.” Għall-President Herzog, l-antisemitiżmu u ċ-ċaħda tal-Olokawst għadhom jeżistu, f’forom ġodda u mifruxa permezz ta’ kanali ġodda – partikolarment fuq l-internet. “Id-distanza bejn post fuq Facebook u t-tkissir tal-lapida f’ċimiterju hija iżgħar milli naħsbu,” huwa qal. “Tweets imġienen jistgħu joqtlu, verament.”
L-Ewropa għandha rwol vitali x’tilgħab biex tiġġieled dan l-antisemitiżmu, huwa irrimarka. Waqt li appella lill-MPE biex ma jkunux passivi quddiem iż-żieda fl-antisemitiżmu, il-President Herzog talabhom biex “jaqraw is-sinjali ta’ twissija, jiskopru s-sintomi tal-pandemija tal-antisemitiżmu, u jiġġielduha akkost ta’ kollox. Int trid tiżgura li kull Lhudi li jixtieq jgħix ħajja Lhudija sħiħa f’pajjiżek jista’ jagħmel dan bla periklu u bla biża’.” Permezz tal-edukazzjoni, il-leġiżlazzjoni u kwalunkwe għodda oħra għad-dispożizzjoni tagħhom, il-MPE u l-UE għandhom jimpenjaw ruħhom biex jeqirdu r-razziżmu, il-mibegħda, u l-antisemitiżmu fil-forom kollha tagħhom, huwa qal. Il-President Herzog appella wkoll lill-Parlament Ewropew biex jadotta bis-sħiħ id-definizzjoni tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst tat-terminu tal-antisemitiżmu.
Hu enfasizza li “l-kritika tal-Istat tal-Iżrael m’għandhiex taqsam il-linja f’ċaħda tal-eżistenza stess tal-Istat tal-Iżrael, l-istat nazzjon tal-poplu Lhudi.” Meta tkellem dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Iżrael, huwa qal li “l-Istat tal-Iżrael u l-Ewropa huma marbuta flimkien f’rabta li ma tistax tinkiser. L-interessi komuni tagħna, u aktar u aktar, il-valuri komuni tagħna, jiddettaw il-preżent tagħna u jsawru l-futur tagħna.” Huwa appella lill-MPE u lill-UE biex iwessgħu, japprofondixxu, u jsaħħu s-sħubija tagħhom biex jiġġieldu aħjar l-isfidi kontemporanji li jiffaċċjaw l-Iżrael u l-UE, inkluża t-theddida mill-Iran għall-poplu tiegħu stess, għall-Iżrael u fil-Lvant Nofsani usa’ u l-Ukrajna.
Ara d-diskors sħiħ hawn.