F’għaxar snin biss il-prezzijiet tal-propjetà fil-Gżejjer Maltin irduppjaw. Min naħa l-oħra id-dħul medju disponibbli tad-djar (it-total ta’ dak li jieħdu f’idejhom il-membri kollha tad-dar) żdied minn €22,379 fl-2012 għal €32,590 li hi żieda ta’ 46% biss.

Studju li kien pubblikat dan l-aħħar minn  Grant Thornton u Dhalia juri li ntlaħaq stadju fejn ċerti partijiet tal-Gżejjer Maltin bħal Tas-Sliema u San Ġiljan m’għadhomx għall-but tal-biċċa l-kbira tax-xerrejja, irrispettivament mit-tip ta’ proprjetà. Intant, anke reġjuni li tradizzjonalment kienu aktar affordabbli bħal Għawdex, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Ħaż-Żabbar qed jesperjenzaw żieda. Fid-deher is-sitwazzjoni tista’ ma tkunx daqshekk ta’ tħassib, peress li s’issa ma kien hemm l-ebda tnaqqis fin-numru ta’ konvenji u kuntratti. Madankollu, analiżi aktar profonda turi li l-proprjetajiet li qed jinbiegħu llum il-ġurnata huma ferm differenti minn dawk ta’ għaxar snin ilu bħala daqs. Appartament bi tliet kmamar tas-sodda llum il-ġurnata sar xi ħaġa għall-biċċa l-kbira ta’ dawk li se jixtru l-ewwel darba hu lil hinn mill-mezzi tagħhom. Ħafna qed ikollhom jikkuntentaw b’appartamenti ta’ madwar 100 metru kwadru, b’kamra tas-sodda waħda jew tnejn, kċina/living u dining room magħquda, u jekk ikunu xortihom tajba jkollhom xi veduti mill-gallarija.

Jidher ċar kristall li l-pagi f’Malta ma żammewx il-pass maż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà, hekk kif din tal-aħħar żdiedet bid-doppju tad-dħul tal-familji. Ir-riżultat hu li l-prezzijiet tal-proprjetà, li għaxar snin ilu kienu diġà qed isiru għoljin, telgħu saħansitra aktar. Sa issa, madankollu, il-bejgħ baqa’ għaddej imma x-xerrejja kellhom inaqqsu l-aspettattivi tagħhom f’dak li għandu id-daqsa u l-lokalità, filwaqt li qed ikollhom jiddedikaw parti ogħla tas-salarju tagħhom għal perjodu itwal ta’ ħajjithom. Barra minn hekk, aktar qed ikollhom jiddependu fuq għajnuna finanzjarja tal-qraba biex ikollhom il-kapital meħtieġ għad-depożitu ta’ 10% tal-prezz, jew jagħmlu użu minn skema tal-gvern li biha jiġu mislufa parti minn dawn il-flus. Din tal-aħħar ma hi xejn ħlief self biex tkun tista’ tiddejjen! Kif mistenni kien hemm bjegħ qawwi fis-settur tal-appartamenti sal-punt li llum il-ġurnata dawk li jixtru l-ewwel dar u li jagħżlu binja tradizzjonali bl-arja tagħha u l-ġnien tiegħu saru l-eċċezzjoni.

B’din ir-rata fi ftit deċennji s-suq tal-proprjetà se jsir għoli wisq għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni, anke dawk il-binjiet li llum huma meqjusa bħala mhux attraenti jew mhux imfittxija. Sfortunatament, dan jgħodd ukoll għal dawk li minn età żgħira ħafna jkunu bil-għaqal u jibdew iġemmgħu għax se jkunu f’riskju li qatt ma jistgħu jagħmluha. Is-sitwazzjoni tista’ tmur għall-agħar jekk il-banek jgħollu r-rati tal-imgħax, peress li dan jagħmel is-self inqas affordabbli filwaqt li l-pagamenti ta’ kull xahar jogħlew. L-inflazzjoni qed tolqot ukoll b’mod qawwi l-ispiża tal-industrija tal-kostruzzjoni peress li l-materja prima qed tiżdied minn barra filwaqt li ħaddiema tas-sengħa ma jistgħux ilaħħqu max-xogħol li hawn.

Miżuri bħal tnaqqis fit-taxxa tal-boll, u inċentivi għal dawk li għandhom dħul baxx kienu passi fid-direzzjoni t-tajba iżda kienu miżuri għal żmien qasir. Is-suq tal-kirjiet ukoll qed isir mhux affordabbli, anki minħabba l-influss kbir ta’ ċittadini barranin ta’ pajjiżi terzi li qed jingħaqdu biex joqogħdu fi proprjetà waħda, u b’hekk il-kirjiet għall-Maltin qed isiru għoljin. Iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-aħħar għaxar snin tista’ tkun waħda mill-muturi ewlenin taż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà peress li għandha x’taqsam mal-prinċipju ekonomiku fundamentali li jirregola d-domanda mal-provvista. Wasal iż-żmien  li dawk li jfasslu l-politika jibdew iħarsu lejn l-Istampa kollha u mhux biss is-suq tal-proprjetà biex ċertu deċiżjonijiet ta’ politika ekonomika u soċjali jittieħdu skont x’jaqbel għall-pajjiż fit-tul u mhux biss fl-immedjat.