Il-proposta tal-UHM tħalli iktar flus fil-bwiet tan-nies

Il-ħaddiema għandhom jieħdu ż-żieda kollha għall-għoli tal-ħajja peress li fil-preżent parti minn dan il-kumpens mhux qed jasal f’buthom għax qed imur għand il-gvern bħala taxxa, sostna il-Kap Eżekuttiv tal-UHM  meta kien qed jindirizza kumitat tal-parlament.

Josef Vella kien qed jitkellem fil-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja li qed jiddibatti l-impatt tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji. Il-UHM Voice of the Workers ġiet mistiedna tagħmel preżentazzjoni li ffokat fuq studju wed isir dwar il-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali fis-supermarkets. Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq miżuri possibbli li jistgħu jiġu adottati biex tiġi miġġielda l-inflazzjoni.

“Parti mill-COLA (żieda għall-għoli tal-ħajja) qed titnaqqas bħala taxxa li jfisser li qed tinqata’ parti mill-kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet għas-sena ta’ qabel. Dan jixbah sitwazzjoni fejn min iħaddem li jirrifjuta li jħallas lura lill-ħaddiema l-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar relatati max-xogħol, bħal pereżempju meta jmur Għawdex, għax skont hu parti minn din ir-rifużjoni tmur bħala taxxa amministrattiva,” irrimarka Vella. Żied jgħid li l-eżenzjoni tal-COLA mit-taxxa tkun miżura li tħalli iktar flus fil-but tal-ħaddiema mingħajr ma jkun hemm żieda fis-salarji.

Bl-istess mod, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM ippropona li l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, il-Bolla,  ma għandhiex tkun parti mid-dħul taxxabbli tal-impjegati.

“Bħalissa l-ħaddiema qed iħallsu t-taxxa fuq il-Bolla minkejja li dawn il-flus qatt ma jaslu fil-but. Konsegwentement, fuq paga medja ta’ madwar €20,000 fis-sena, l-impjegati jistgħu jibbenefikaw minn żieda ta’ madwar €500 jekk il-Bolla ma tkunx taxxabbli”.

Kieku miżuri bħal dawn kienu jiġu adottati din is-sena, kienu jsarrfu f’madwar żieda ta’ €1,000 fil-paga netta. Minflok, il-gvern jista’ wkoll jagħżel li jibda jintroduċi dawn il-miżuri gradwalment fuq numru ta’ snin sabiex itaffi kwalunkwe telf li jista’ jkun hemm fid-dħul.

Skont l-istudju tal-UHM il-prezzijiet fit-tliet ktajjen ta’ supermarkets ewlenin fil-Gżejjer Maltin għolew bi 8.6% f’sena biss. Filwaqt li din iż-żieda waħedha kielet iż-żieda ta’ €1.75 COLA mogħtija fl-2022, huwa stmat li anke fl-2023 meta ż-żieda hi ta’ €9.90, din bilkemm se tkun biżżejjed.

“Fil-kuntest ta’ din ir-riċerka l-mistoqsija tberren: Jekk id-€9.90 lanqas biss kienu biżżejjed biex ikopru l-prezzijiet tal-ikel biss, meta suppost jikkumpensaw ukoll għal setturi bħall-ħwejjeġ, il-mediċina, il-manutenzjoni tad-dar u l-edukazzjoni fost l-oħrajn, kemm aħna ċerti li dan il-mekkaniżmu qed jirrifletti tassew iż-żieda fl-għoli tal-ħajja?. Huwa għalhekk li l-mekkaniżmu tal-COLA jeħtieġ li jiġi rivedut u jiffunzjona b’mod trasparenti f’termini tal-basket ta’ oġġetti li fih.”

Minn dan l-istudju huwa stmat li fl-2022 l-ispiża tal-oġġetti tas-supermarket żdiedet bejn €223 u €332 fis-sena. Fl-2023, kieku kellna nassumu li l-prezzijiet jibqgħu l-istess, iż-żieda fl-ispiża tvarja bejn €370 u €472 fuq sena sħiħa. Meta wieħed iqis li €9.90 COLA hija ekwivalenti għal €514 fis-sena dan bilkemm ikun biżżejjed. Fir-realtà iżda, is-sitwazzjoni tkun aktar prekarja peress li dawk li jħallsu taxxa ta’ 15% jirċievu €436 u mhux €514, filwaqt li dawk li jiġu ntaxxati b’25% jieħdu biss €385 minflok €514.

Segwi l-laqgħa hawn.