Iżda l-poplu qed bati minħabba kontrolli esaġerati fil-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji

F’erba’ snin biss ir-regolatur kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) tant ħarrax l-infurzar li l-ammont annwali ta’ multi imposti żdied minn €37,050 għal aktar minn €3.5 miljun. Għalkemm ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għal din iż-żieda qawwija, hemm indikazzjonijiet ċari li din kienet b’riżultat tad-deċiżjoni tal-FATF (Financial Action Task Force) li fl-2021 poġġiet lil Malta fuq il-lista l-griża.

Fil-verità, din id-deċiżjoni kienet ilha mistennija diversi xhur fid-dawl ta’ sensiela ta’ skandli bħal dik tal-Bank Pilatus li l-liċenzja tiegħu ġiet irtirata mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-2018. Barra minn hekk, il-gvern Malti kien ilu jiffaċċja kritika fuq l-iskema ta’ xiri tal-passaporti, u akkużi ta’ kontrolli laxki kontra l-ħasil tal-flus u reati finanzjarji. Konsegwentement, l-FATF kienet irrelegat lil Malta bħala pajjiż fuq il-lista l-griża li f’termini prattiċi tfisser ġurisdizzjoni finanzjarja mhux ta’ min jafdaha. Għalkemm f’Ġunju li għadda din id-deċiżjoni ġiet imreġġa’ lura peress li l-FATF ħasset li Malta indirizzat diversi nuqqasijiet, dan xorta wassal għal ħsara kbira fir-reputazzjoni li għadha qed tinħass sal-lum.

Multi maħruġa mill-FIAU

SenaMultiAmmont
201920€37,050
2020170€2,103,277**
2021176€1,184,317*
2022145€3,557,701

*Jinkludi multa imposta fl-2018

**Jinkludi multi imposti fl-2016 u fl-2018

Fil-fatt, minn meta fl-2019 bdiet iżżid l-ispekulazzjoni li Malta setgħet titpoġġa fil-lista l-griża, il-gvern kien tħabat bil-kbir fi sforz qawwi biex jevita din id-deċiżjoni. Dan jista’ jispjega wkoll iż-żieda qawwija mil-lejl għan-nar fl-infurzar tal-FIAU fejn in-numru ta’ multi żdied b’mod sproporzjonat. Ċifri li tpoġġew reċentement fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana bi tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet tad-deputat tal-PN Jerome Caruana Cilia juru li l-multi żdiedu minn 20 biss fl-2019 għal 170 fl-2020, b’żieda parallela fl-ammont ta’ penali mħallsa li żdiedu minn €37,050 għal €2,103,277 – żieda ta’ 56 darba fi 12-il xahar biss! Dan kien segwit minn 176 multa u €1,184,317 f’penali fl-2021. Is-sena li għaddiet, il-penali mħallsa laħqu livell rekord ta’ €3,557,701, li wħud minnhom ingħataw prominenza mill-FIAU permezz ta’ stqarrija pubblika. Filwaqt li din l-azzjoni ta’ infurzar kontra attività finanzjarja kriminali kienet pass pożittiv, però kienet ukoll intenzjonata bħala mossa biex Malta tibgħat messaġġ li bdiet paġna ġdida.

Sfortunatament, l-agħar li marru f’dan kollu kienu ċittadini onesti li qed iħabbtu wiċċhom ma’ komplikazzjonijiet żejda fejn jidħlu tranżazzjonijiet finanzjarji u bankarji. Illum il-ġurnata, il-kontrolli tant ġew issikkati li dawk li għandhom kont qed il-bank jiġu ttrattati bħallikieku kienu suspettati, anke dawk li qatt ma kisru dufrejhom mal-liġi. Dan qed jissarraf f’żieda sproporzjonata fil-burokrazija, u saħansitra restrizzjonijiet fuq l-ammonti li jistgħu jinġibdu mil-kont. Dan irriżulta fi tariffi bankarji ogħla b’mod ġenerali bit-tort jitpoġġa fuq spejjeż ogħla biex jiġu implimentati r-‘riformi’ tal-ħasil tal-flus.