Il-Parlament appella biex il-gamers ikunu protetti aħjar mill-vizzji u prattiki manipulattivi oħra, filwaqt li enfasizza l-potenzjal ta’ dan is-settur innovattiv.

Ir-rapport – adottat b’577 vot favur, 56 kontra u 15-il astensjoni – jitlob regoli armonizzati biex il-ġenituri jagħtu ħarsa ġenerali tajba u kontroll fuq liema logħob jilagħbu t-tfal tagħhom kif ukoll kemm jonfqu ħin u flus jilagħbu. Il-MPE jitolbu informazzjoni aktar ċara dwar il-kontenut, il-politiki ta’ xiri fil-logħob u l-età ta’ dawk li għalihom immirat dan il-logħob, possibilment fuq il-linja tas-sistema ta’ informazzjoni (PEGI) li diġà hi użata fi 38 pajjiż.

Iridu wkoll jipproteġu lill-minorenni speċifikament minn inkoraġġiment biex jagħmlu xiri fil-logħba u milli jinvolvu ruħhom fl-hekk imsejjaħ gold-farming, jiġifieri l-prattika tal-bejgħ ta’ oġġetti miksuba f’logħba għal flus reali peress li dan jista’ jkun marbut ma’ kriminalità finanzjarja u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-logħob għandhom jevitaw li jiddisinjaw logħob li jinkoraġġixxu l-vizzju u għandhom iqisu l-età, id-drittijiet u l-vulnerabbiltajiet tat-tfal.

Protezzjoni msaħħa tal-konsumatur skont ir-regoli tal-UE

Il-MPE jgħidu li l-iżviluppaturi tal-logħob tal-kompjuter għandhom ukoll jagħtu prijorità lill-protezzjoni tad-data, il-bilanċ bejn is-sessi u s-sikurezza tal-plejers, u m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni b’diżabilità. Huma jisħqu li biex jitħassar abbonament f’logħba irid ikun faċli daqs dak biex tissieħeb. Il-politiki dwar ix-xiri, ir-ritorn u r-rifużjoni tal-logħob iridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali jridu jtemmu prattiki illegali li jippermettu lill-gamers jiskambjaw, ibigħu jew jagħmlu mħatri fuq siti fil-logħob.

Premju Ewropew ġdid tal-logħob tal-kompjuter

Il-Parlament jirrikonoxxi l-valur u l-potenzjal tas-settur tal-logħob tal-kompjuter u jrid jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Għal dan il-għan, il-MPE jipproponu li jitwaqqaf premju annwali Ewropew tal-logħob tal-kompjuter online u jitolbu lill-Kummissjoni tressaq Strateġija Ewropea li tgħin lil dan is-settur kreattiv u kulturali jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.