L-2022 u s-Sena l-Ġdida
L-2022 dalwaqt se tiġi kkonsenjata għall-kotba tal-istorja. L-aħħar 12-il xahar kienu kkaratterizzati mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna li kellha effett globali f’termini ta’ prezzijiet tal-enerġija u inflazzjoni. Fuq nota pożittiva, id-dinja reġgħet lura għal grad ta’ normalità hekk kif għall-ewwel darba f’dan id-deċenju, in-nies setgħu jitħalltu u jissoċjalizzaw hekk kif il-biża’ mill-pandemija tal-Covid-19 bdiet tonqos.
Għall-UHM Voice of the Workers l-2022 tibqa’ mfakkra wkoll għall-inawgurazzjoni tal-bini l-ġdid tagħha li nkuruna snin ta’ xogħol iebes u ppjanar finanzjarju bil-għaqal. Mill-perspettiva tat-trejdjunjins, wieħed mill-punti ewlenin ewlenin kien l-istil proattiv tal-unjin biex tiġġieled l-inflazzjoni fir-rigward ta’ eluf ta’ impjegati tas-servizz pubbliku. Bis-saħħa tal-proposta tal-unjin li sabet l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet ewlenin l-oħra tal-ħaddiema, l-impjegati tal-gvern se jkunu qed jieħdu żieda lil hinn mill-ftehim kollettiv u minn dik għall-għoli tal-ħajja. Konsegwentement, ir-relattività fl-iskala tas-salarji tal-pagi mhux se tkun imkissra. Madankollu, dan kien possibbli biss minħabba li l-unjins ħadmu flimkien bħala front wieħed.
Issa nħarsu ’l quddiem lejn is-Sena l-Ġdida, iżda jkun żball jekk nieqfu hawn. Matul it-12-il xahar li ġejjin nistennew li l-proposta tal-UHM għat-twaqqif ta’ portal tal-kuntratti tax-xogħol titwettaq. Dan il-proġett li ilu ġej mill-2016 għandu l-potenzjal li jkun għodda b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji u l-abbużi. L-għan huwa sempliċi – li jistabbilixxi templates ta’ kuntratti biex tiġi eskluża l-possibbiltà li jkun hemm klawsoli u dispożizzjonijiet taħt il-minimu meħtieġ mil-liġi. Barra minn hekk, il-liġi trid tiġi emendata peress li sal-lum għadu possibbli li jiġu rreklutati ħaddiema mingħajr kuntratt bil-miktub.
L-2023 għandha tkun ukoll is-sena meta l-gvern jilleġiżla biex jintroduċi r-right to disconnect. Intqal u ġie mwiegħed ħafna dwar dan id-dritt fosthom li Malta kienet se tkun qed timplimenta din il-miżura qabel ma ssir Direttiva tal-UE. Madankollu, sal-lum ma mmaterjalizza xejn tanġibbli.
Barra minn hekk, jekk tassew nemmnu fit-titjib tal-bilanċ tagħna bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-UHM tistenna wkoll il-bidu ta’ taħditiet dwar kif tissaħħaħ id-direttiva tal-UE li daħlet fis-seħħ fis-sajf li għadda. Sfortunatament, meta din ġie trasposta fil-liġi Maltija, ġie implimentat biss il-minimu b’riżultat li din ftit li xejn kellha impatt.
Dawn huma biss tliet oqsma li fihom nistennew li naraw progress. Hemm kwistjonijiet oħra, imma ejja nżommu saqajna mal-art. Id-dinja ma saritx f’ġurnata!