Il-Parlament Ewropew jirreaġixxi għall-allegazzjonijiet reċenti b’bidliet immedjati u jitlob miżuri biex jingħalqu t-toqob fir-regoli eżistenti kontra l-korruzzjoni

Wara d-dibattitu tat-Tlieta, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa għal aktar trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE, b’541 vot favur, tnejn kontra u tliet astensjonijiet.

Il-MPE huma xxukkjati bl-allegazzjonijiet reċenti li xi MPE, eks MPE u persunal tal-PE huma involuti f’korruzzjoni, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali. Huma jappoġġjaw il-kooperazzjoni sħiħa tal-Kamra fl-investigazzjoni li għaddejja bħalissa, waqt li jinnutaw li s-sistemi interni fallew milli jwaqqfu din il-korruzzjoni. Il-MPE qed jikkundannaw ukoll l-allegati tentattivi ta’ korruzzjoni mill-Qatar, li jikkostitwixxu ndħil barrani serju fid-demokrazija Ewropea.

Il-PE jissospendi immedjatament kull ħidma leġiżlattiva relatata mal-Qatar

Bħala miżura immedjata, il-MPE ddeċidew li jissospendu l-ħidma kollha fuq files leġiżlattivi relatati mal-Qatar, b’mod partikolari fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-viża u l-ftehim dwar l-avjazzjoni, kif ukoll iż-żjarat ippjanati, sakemm l-affarijiet isiru aktar ċari. Huma qed jitolbu wkoll li l-permessi ta’ dħul fil-PE għar-rappreżentanti tal-interessi tal-Qatar jiġu sospiżi sakemm l-investigazzjonijiet ġudizzjarji jiċċaraw iktar dan il-każ.

Riforma tar-regoli tal-Parlament

Il-Kamra hi mħassba dwar kunflitti potenzjali ta’ interessi kkawżati minn xogħol barrani, speċjalment dak fejn xi MPE jservu bħala managers, fuq bordijiet tad-diretturi jew ta’ pariri, jew bħala konsulenti ta’ banek, ta’ kumpaniji multinazzjonali jew ta’ kumpaniji kkwotati fil-boroż. Il-MPE jridu li jkun hemm sistema ta’ dikjarazzjonijiet ta’ assi fil-bidu u t-tmiem ta’ kull mandat. Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ assi jistgħu jkunu aċċessibbli biss għall-awtoritajiet rilevanti u jkunu ċċekkjati jekk isiru allegazzjonijiet sostanzjati.

Il-MPE qed jikkommetu ruħhom ukoll li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar kull dħul barrani tagħhom u li jipprojbixxu li terzi jiffinanzjaw MPE jew staff tal-gruppi politiċi. Il-Parlament Ewropew se jfittex li jdaħħal projbizzjoni fuq livell Ewropew ta’ donazzjonijiet minn pajjiżi terzi lil MPE jew partiti politiċi u se jistaqsi lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji proposta għal dan il-għan. Għandu jiddaħħal ukoll żmien biered wara t-tmiem ta’ kull mandat, biex jiġġieled il-fenomenu ta’ “revolving doors”, qed jgħidu l-MPE.

Il-MPE jridu jagħmlu r-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE mandatorju, iwessgħuh ukoll għar-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi u għall-eks MPE u jsaħħuh sabiex ikun jista’ jintuża ħalli l-informazzjoni tiġi vverifikata aktar bir-reqqa. Biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati oħra, huma qed ifittxu wkoll li jistabbilixxu kumitat ta’ inkjesta wara r-riżultati tal-investigazzjonijiet u l-proċessi, biex jeżamina każijiet ta’ korruzzjoni u azzjonijiet mhux xierqa minn pajjiżi terzi, u kumitat speċjali biex isib difetti fil-qafas tal-Parlament u jagħmel proposti għal riformi. Barra minn hekk, Viċi President tal-PE għandu jingħata l-kompitu li jivverifika l-integrità, u jiġġieled il-korruzzjoni u l-indħil barrani.

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-gruppi ta’ ħbiberija parlamentari jridu jkunu regolati u mmonitorjati kif xieraq biex ikomplu jeżistu, il-MPE qed jagħtu struzzjonijiet lill-Kwesturi sabiex jimplimentaw ir-regoli eżistenti u joħolqu reġistru aċċessibbli u aġġornat. Huma qed isejħu wkoll biex tkun żvelata kull informazzjoni dwar il-firxa leġiżlattiva għal kull proposta jew emenda.

Ħidma ma’ istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE

Il-Parlament qed iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-aħħar tressaq proposta ħalli jiġi stabbilit Korp Indipendenti tal-Etika li l-Parlament ippropona f’Settembru 2021, u jirrakkomanda titjib fir-regolament tal-persunal tal-UE sabiex jiġi allinjat mad-Direttiva dwar l-Informaturi, li fi kwalunkwe każ se tkun implimentata internament. Huwa qed jenfasizza wkoll ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Eurojust, l-Europol u l-aġenzija tal-UE kontra l-frodi OLAF, u qed jappella biex jissaħħu aktar il-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni tal-UPPE u l-OLAF, kif ukoll għal regoli komuni kontra l-korruzzjoni għall-membri u l-persunal tal-korpi tal-UE.