Ħafna nies jikkunsidraw il-bullying fuq l-internet bħala kwistjoni taż-żgħażagħ, imma l-post tax-xogħol mhux eskluż minn dan il-fenomenu. Anżi l-każijiet qed jikbru f’pajjiżna. 

Il-bullies fil-post tax-xogħol spiss jużaw il-bullying fuq l-internet biex jintimidaw lill-kollegi tagħhom u jikkontrollaw it-territorju tagħhom. Hu essenzjali  li meta ħaddiem ikun iffastidjat b’dan l-abbuż jagħraf jirrispondi u mhux jibqa’ ibati fis-silenzju. Filwaqt li kull sitwazzjoni hi differenti minn waħda għal oħra, jekk il-ħaddiema jkunu jafu bil-quddiem kif għandhom jittrattaw bully fuq l-internet fil-post tax-xogħol, ikunu kapaċi jirbħu s-sitwazzjoni. 

Meta xi kollega jew superjur tiegħek fil-post tax-xogħol jgħid xi ħaġa biex iħammarlek wiċċek, jibgħat xi ħaġa falza dwarek fuq il-media soċjali jew jattakkak fuq l-internet, tgħaġġilx imma sib mument kwiet biex tiġbor il-ħsibijiet tiegħek. Minkejja l-klieb iebes li vittma ġġarrab, m’għandhiex tirrispondi b’rabja imma b’mod raġonevoli. Xi kultant m’hemmx bżonn li wieħed jirrispondi u f’ċertu istanzi jkun meħtieġ minn dak li jkun biex iżomm kuntatt mal-persuna li qed tikkawża l-abbuż. 

Għalkemm l-aħjar hu li ninjoraw is-cyberbully, xi kultant sitwazzjonijiet fil-post tax-xogħol jeħtieġu li nwieġbu email jew forom oħrajn ta’ komunikazzjoni. Imma l-kalma trid tilgħab parti importanti f’dan l-istadju. Ma tridx li l-uffiċċju kollu jara skambju ta’ rabja bejnek u kollega ieħor. 

Il-vittma trid tiftakar li l-interpretazzjoni tal-kelma miktuba tista’ tkun differenti minn dik intenzjonata. Allura min ġarrab għandu jkun ċert li jikkomunika b’mod miftuħ u onest dwar dak li sab  offensiv. Wieħed għandu  jkun  ċert li s-cyberbully jaf li l-kummenti fuq Facebook għandhom  jieqfu. Jekk, imbagħad, l-imġieba ta’ min qed jattakka ma tinbidilx u lbullying fuq l-internet qed jippersisti, allura jkun wasal il-ħin li nitilgħu  skaluna oħra. 

Huwa importanti li l-kummenti, il-messaġġi u l-posts kollha fuq il-media soċjali jinġabru bħala evidenza. Għalkemm l-ewwel reazzjoni tkun li nħassru kollox, mingħajr evidenza ma jkunx hemm provi ta’ cyberbullying. Jekk min iħaddem mhux lest li jirrispondi jew jindirizza s-cyberbullying, il-vittma għandha tikkunsidra biex tikkuntattja lill-pulizija u tagħmel rapport. Tali rapport huwa meqjus importanti jekk il-bullying jeskala fl-għamla ta’ theddid bi vjolenza. Ħafna drabi l-pulizija tista’ tintraċċa min qed jibgħat l-emails u l-messaġġi. 

Minkejja x’tgħid jew tagħmel persuna li tabbuża, ħaddiem iffastidjat għandu jibqa’ kalm u razzjonali. Jekk tkun imdejjaq, tibgħat messaġġi negattivi jew tgħid xi ħaġa li mbagħad  jiddispjaċik, tispiċċa biex iddgħajjef il-pożizzjoni tiegħek fil-post  tax-xogħol. Ħaddiem imġarrab għandu jiftakar li l-bully fuq l-internet ikun qed jistenna xi reazzjoni. F’dan l-istadju, il-professjonalita’ għandha tirrenja dejjem. 

Il-bullying fuq l-internet hu suġġett delikat u m’għandux jiġi trattat waħdu. Jekk inti ħaddiem u qed tiġi bullied fuq l-internet, kun ċert li inti mdawwar b’membri tal-familja u ħbieb li huma lesti biex jappoġġjawk. Fittex persuni li jistgħu jifhmu minn x’hiex għaddej. Huwa ta’ benefiċċju kbir li tkellem lil xi ħadd dwar x’qed tesperjenza u għaldaqstant ikkunsidra li tfittex għajnuna professjonali jew counselling ħalli tfiq minn dan it-tiġrib.