B’inqas minn erba’ xhur ‘il bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini Ewropej qed ikunu imħeġġa biex jirreġistraw l-interessi tagħhom ħalli jmorru jivvotaw. Matul dawn l-elezzjonijiet, iċ-ċittadini se jeleġġu membri ġodda tal-Parlament Ewropew li fl-aħħar mill-aħħar se jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. Għaldaqstant, hu  importanti li wieħed ikun informat qabel ma jiddeċiedi kif se jivvota. 

Sabiex jipprovdi tagħrif u wkoll jiġġenera interess fost iċ-ċittadini Ewropej, il-Parlament Ewropew nieda kampanja thistimeimvoting.eu. Il-kampanja issejjaħ liċ-ċittadini Ewropej sabiex ixerrdu l-kelma fost il-komunitajiet fuq livell lokali u nazzjonali dwar l-importanza li wieħed jeżerċizza d-dritt demokratiku li jivvota. Barra minn hekk, il-kampanja tgħin lill-individwi biex jitgħallmu dwar diversi avvenimenti u attivitajiet li qed iseħħu fil-pajjiż rispettiv tagħhom u wkoll madwar  l-Ewropa. 

Minbarra dan, sabiex wieħed jikseb aktar informazzjoni dwar dak li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea fuq livell individwali, wieħed jista’ jżur il-portal what Europe does for me. Il-website tippreżenta serje ta’ noti qosra dwar kif il-policies tal-UE għamlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. 

Għalhekk il-mazz f’idejk sabiex tuża l-għodda, ħalli fil-25 ta’ Mejju 2019 inti tkun kapaċi tagħmel deċiżjoni informata.