Kun għaqli u agħżel ix-xogħol li tixtieq
Meta t-tfal ikunu żgħar, inħeġġuhom biex isiru dak li jixtiequ meta jikbru. Imma meta t-tfal jitfarfru, il-messaġġ jinbidel.
Meta t-tfal isibu ruħhom fl-iskola Sekondarja, il-ġenituri jew min jieħu ħsiebhom jibdew jgħallmuhom biex ikunu prattiċi. It-tfal, bil-mod il-mod, jieqfu jemmnu li l-ħolmiet tagħhom jistgħu jsiru realta’.
Uħud mit-tfal jikbru mingħajr ma jitilfu l-fiduċja fihom infushom – jew jemmnu li jistgħu jwettqu dak li jridu jagħmlu u jsiru dak li jixtiequ. X’hemm speċjali f’dawn it-tfal?
Forsi dawk it-tfal li jwettqu l-ħolmiet tagħhom għandhom appoġġ mill-familja, li tgħinhom biex ma jaqtgħux qalbhom mill-pjani ambizzjużi tagħhom. Forsi dawk it-tfal li qatt ma jaqtgħu qalbhom minn dak li jixtiequ jagħmlu f’ħajjithom huma tfal li ma jagħtux kas x’jaħseb ħaddieħor. Trid tkun kuraġġuż biex tgħid “Irrid nieħu t-triq tiegħi”.
L-ewwel pass biex issib xogħol li jirrikjedi ħafna minnek – bl-użu tat-talenti, il-personalita’ u l-passjoni tiegħek – u li jrendi aktar mis-salarju li taqla’, hu li tagħti permess lilek innifsek biex terġa’ toħlom.
Bħala adulti nistgħu nħossuna stupidi jew nitħawdu meta nħallu lilna nfusna biex noħolmu bil-kbir – l-istess li konna nagħmlu meta konna żgħar. Imma mingħajr ħolma kbira biex insegwu, kif qatt wieħed jista’ jieħu passi kbar li jimbuttawh f’dik il-ħajja jew karriera li jrid?
Għalhekk hemm bżonn li nippermettu lilna nfusna biex noħolqu viżjoni għall-ħajja u għall-karriera. M’aħniex qed nitkellmu dwar il-miri – dawn jiġu aktar tard. Fin-nuqqas ta’ viżjoni għall-ħajtek, il-miri mhuma xejn għajr affarijiet fuq il-lista tiegħek. Sabiex tfittex ix-xogħol li tħobb, trid tmur lil hinn. Dan jista’ jsir b’dan il-mod:-
- Aqbad djarju u ibda ikteb fuqu. Ikteb dwar dak li trid f’ħajtek u fil-karriera. Tiċċensurax lilek innifsek;
- Aċċetta u ħaddan il-fatt li dak kollu li ġara f’ħajtek s’issa kellu jiġri. Meta nilmentaw dwar iċ-ċirkostanzi tagħna u nħarsu lejn is-sitwazzjoni preżenti bħala waħda bla tama, imbarazzanti, jew inqas milli jixirqilna, allura noħolqu l-ostakli lilna nfusna u ma nirnexxux;
- Isħaq kemm tista’ fuq il-viżjoni għal ħajtek; aktar ma tara l-futur tiegħek iżjed ċar, eħfef ikun għalik li tidderieġi triqtek;
- Meta l-viżjoni tiegħek tibda tieħu l-forma, ħares lejha b’perspettiva;
- Issa, ħejji pjan u fassal il-passi li trid twettaq; uħud minnhom se jkunu objettivi għal perijodu qasir, oħrajn se jieħdu fit-tul.
Ħajtek f’idejk. Ħadd m’hu se jiddeċiedi kif se tinvesti ħinek u t-talenti tiegħek. Awguri!