Aħna lkoll umani. Li tkun uman ifisser li aħna mogħnija bl-emozzjoni u nafu naħsbu. Nistgħu nkunu antipatki, imma nistgħu nkunu sbieħ minn ġewwa. Nistgħu nesprimu l-imħabba tagħna mal-oħrajn u nistgħu niddiżappuntaw. Nistgħu nkunu żorri u nistgħu nempatizzaw. Nistgħu nkunu l-kaġun għall-mibegħda fid-dinja, u nistgħu nkunu r-raġuni għat-tajjeb li jitwettaq madwarna. Nippruvaw. Infallu, u nirnexxu.

Fil-post tax-xogħol,  iżda, xi kultant nitrattaw dan il-fenomenu inevitabbli bħala wieħed inaċċettabbli. Imma għal-liema skop? Jekk ma nitħallewx nagħmlu l-iżballji, allura jistgħu jiġu impjegati r-robots fid-dinja.

Hemm argumenti li jgħidu li diġa’ bdejna nibdlu l-persuna bir-robots. Ir-robots jeliminaw l-iżball uman. Huma preċiżi kull darba, sakemm ma jkunx hemm ħsarat  fil-makna. Ir-robots jaħdmu   kontinwament, ma jgħejjewx u m’għandhom ebda ħajja personali. Ma  jkun hemm ebda emerġenza fil-familja, ebda sick leave u ebda raġuni għaliex m’għandhomx jaħdmu. Huma l-impjegati perfetti…..u l-aktar kollegi tedjanti.

Il-ħaddiem uman mhux perfett. Ilkoll niżballjaw u dan jagħmilna speċjali. Forsi rridu nagħmlu  l-iżballji biex nitgħallmu. Forsi jkun hemm mumenti fejn inkunu mimlija bl-emozzjoni, u rridu l-ħin għal sħabna jew għall-familja. Qatt mhu se nkunu kapaċi naħdmu bla waqfien jew bla emozzjoni bħar-robots. Robot qatt  mhu se jkollu konversazzjoni bis-sens miegħek. Ir-robots qatt ma jirrispettaw persuna bħalma jagħmlu impjegati leali. Qatt mhuma se jkunu  kapaċi jirrelataw mal-emozzjonijiet tiegħek. Robot qatt ma jkun hemm għalik bħalma jkunu n-nies umani. L-emozzjonijiet ma jistgħux jiġu programmati.

Min iħaddem probabbilment irid li l-impjegati tiegħu jkunu perfetti. Imma min iħaddem għandu jkun  japprezza  li l-aħjar kollegi huma dawk li jikkoreġu lil sħabhom meta dawn tal-aħħar jiżballjaw. U bħala impjegati umani, nistinkaw biex ma nirrepetux l-iżballji.

Meta l-ħaddiema ma jkollhomx spazju biex jikbru, dan iweġġagħhom milli jiksbu ħiliet ġodda u l-kumpanija titlef mill-potenzjal li seta’ ġie sfruttat mill-ħaddiem.

Fuq kollox, għandna naċċettaw li aħna umani fil-post  tax-xogħol għax li tkun  uman jagħmilna uniċi.