Kun ċittadin attiv
Iċ-ċittadini jagħmlu l-ġejjieni tal-pajjiż. Ħafna affarijiet jiddependu minna, iċ-ċittadini. Naħseb li kull ċittadin jista’ jagħmel xi ħaġa utli għall-iżvilupp tal-pajjiż. Ma jimpurtax f’liema qasam naħdmu, imma huwa d-dmir tagħna li nagħmlu li nistgħu sabiex ngħixu f’kundizzjonijiet aħjar.
X’jagħmel ċittadin attiv? Iċ-ċittadinanza attiva hi ‘l-kolla’ li żżomm is-soċjeta’ flimkien. Id-demokrazija ma tiffunzjonax sewwa mingħajrha, għax id-demokrazija effettiva hi ferm aktar milli tagħmel sinjal fuq il-karta tal-vot.
Id-demokrazija parteċipattiva teħtieġ persuni biex ikunu involuti, biex ikollhom rwol attiv, forsi fil-post tax-xogħol tagħhom, jew billi jieħdu sehem f’xi organizzazzjoni politika jew jappoġġjaw xi kawża ġusta. It-tip ta’ attivita’ tista’ tkun li tkun. Li jgħodd hu l-impenn għall-ħarsien tas-soċjeta’.
Għaċ-ċittadini, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-attitudnijiet ta’ ċittadinanza attiva hija kruċjali. Ċittadini attivi mhux biss jafu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom imma wkoll juru solidarjeta’ ma’ nies oħrajn u huma lesti biex jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjeta’.
Iċ-ċittadinanza attiva tappoġġja l-koperazzjoni demokratika li hi bażata fuq l-aċċettazzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u s-saltna tad-dritt, tagħti valur lid-diversita’ u tinkludi l-komunita’ kollha. L-edukazzjoni lejn il-kisba ta’ dan l-għarfien kif ukoll l-iżvilupp u l-prattika tal-ħiliet isiru fil-livelli kollha tal-ħajja soċjali tagħna. Hawnhekk l-iskejjel għandhom rwol importanti ħafna.
Barra minn hekk, il-volontarjat hu element importanti ta’ ċittadinanza attiva. F’xi pajjiżi, bħal Malta, is-settur qiegħed dejjem jintwera bħala strument sabiex jindirizza l-problemi jew biex jipprovdi servizzi li l-istat ma jistax jipprovdi iżjed.
Iż-żgħażagħ iridu jsibu post adekwat fis-soċjeta’, permezz tal-forom kollha taċ-ċittadinanza attiva. Permezz tal-volontarjat, bħala element importanti ta’ ċittadinanza attiva, jistgħu jkunu involuti, jagħmlu kontribut kostruttiv u fl-istess ħin jiksbu ħiliet ġodda u esperjenza li jagħmluhom aktar impjegabbli u jkunu ta’ valur fit-tul.
Dan il-portal jisħaq li ċ-ċittadinanza attiva hi l-aktar sors b’saħħtu ta’ enerġija umana li tiġġedded u li tista’ ittejjeb b’mod viżibbli l-ħajja tan-nies.