L-aħħar ritratt li ħa Jean Paul Sofia bil-mobile tiegħu ftit minuti qabel il-mewt traġika tiegħu.

L-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia kixfet kollass sħiħ fl-industrija tal-kostruzzjoni li jvarja minn uippjanar ħażin, nuqqasijiet strutturali, nuqqas ta’ infurzar kif ukoll nuqqasijiet istituzzjonali.

Għalkemm hu fatt magħruf li l-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta għandha bżonn riforma, din l-inkjesta xorta waħda ħalliet lil kulħadd ixxukkjat. Dan ma kienx sempliċiment każ ta’ traskuraġni iżda wieħed ta’ fallimenti totali li jmur lil hinn mill-minn dak li qatt immaġinajna.

Bis-saħħa ta’ din l-inkjesta ġie stabbilit li dan il-’proġett’ kien ivvizzjat mill-bidu nett peress li anke l-avviż tal-bidu kien irregolari, fid-dawl tal-fatt li l-firem ġew iffalsifikati.

Il-kollass kien ukoll riżultat ta’ nuqqasijiet strutturali evidenti kemm fil-fażi tad-disinn kif ukoll tal-kostruzzjoni, b’għażla ħażina ta’ travi u kalkolu bl-addoċċ dwar kif l-istruttura kellha ġġorr il-piż tagħha stess

Mill-investigazzjoni irriżulta wkoll li l-perit inkarigat mill-proġett, li jidher li ssorveljat ix-xogħlijiet permezz tal-mobile peress li qatt ma ntlemħet mill-impjegati, bdiet tittrasferixxi l-assi tagħha ftit wara din it-traġedja. Aġir bħal din qanqal ċertu suspetti.

Aspett ieħor taħt il-lenti kien il-proċess tal-ippjanar innifsu, bl-inkjesta tistaqsi għaliex il-liġijiet tal-ippjanar eżistenti jippermetti li tali proġett fuq skala daqshekk kbira (maħżen tal-injam f’żona industrijali) għandu jkun eżentat mill-iskrutinju sħiħ tal-ippjanar u jiġi pproċessat permezz ta’ ordni ta’ notifika tal-iżvilupp (DNO) – tip ta’ permess li lanqas hu biżżejjed biex isir tibdil żgħir f’binja residenzjali. Barra minn hekk, il-fatt li dawn ix-xogħlijiet qatt ma kienu taħt ir-radar tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jew tal-Aġenzija tal-Kostruzzjoni tal-Bini, wassal għal tħassib serju dwar nuqqasijiet istituzzjonali.

Madankollu, l-inkjesta maġisterjali irrimarkat li l-mandat tagħha ma kienx li tidħol f’dawn in-nuqqasijiet istituzzjonali peress li t-termini ta’ referenza tagħha kienu li jaraw ta’ min hi r-responsabbiltà kriminali. Investigazzjoni bħal din kienet teħtieġ azzjoni differenti – inkjesta pubblika. Huwa għalhekk li l-kruċjata tal-gvern kontra t-tnedija ta’ inkjesta pubblika qajmet għajb u kundanna qawwija tant li fl-aħħar mill-aħħar il-gvern kellu jagħmel U-turn spettakolari.

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta  huma inkwetanti wkoll minħabba li jistgħu iqumu dubji  dwar lis-sigurtà strutturali ta’ bini mibni taħt l-istess ta’ liġijiet ta’ ppjanar u kontrolli (jew nuqqas tagħhom). Diġà tlifna ħin prezzjuż biex tittieħed azzjoni. Nittamaw li din l-inkjesta pubblika tibda mill-aktar fis u li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jitwettqu mill-ewwel.