Fit-3 ta’ Mejju, il-Jum Dinji tal-Libertà tal-Midja, il-PE nieda uffiċjalment is-sit web kif ukoll is-sejħa għall-parteċipazzjoni għall-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.

Il-Premju jippremja kull sena l-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Ir-realtà hi li ġurnalisti li jinvestigaw veritajiet skomdi qed jiġu mmirati talli jagħmlu xogħolhom. Filwaqt li sar kollox biex Daphne ssiktet, hi qatt m’hi ser tintesa. Kull sena, il-Premju li jġib isem Daphne jonora l-memorja tagħha. Hija tfakkira qawwija tal-impenn tal-Parlament Ewropew biex tiġI protetta l-libertà tal-istampa u s-sigurtà tal-ġurnalisti”.

Il-Premju huwa miftuħ għall-ġurnalisti professjonisti u t-timijiet ta’ ġurnalisti professjonisti ta’ kull nazzjonalità biex jissottomettu xogħlijiet approfonditi li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’waħda mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li tiġi appoġġjata u enfasizzata l-importanza tal-ġurnaliżmu professjonali fis-salvagwardja tal-libertà u l-ugwaljanza.

Ġurija indipendenti komposta minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru Ewropew u rappreżentanti tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Ġurnaliżmu ewlenin se tagħżel il-parteċipazzjoni rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni se ssir kull sena viċin is-16 ta’ Ottubru, id-data li fiha ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-premju u l-valur fi flus ta’ €20, 000 huma turija tal-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-importanza tal-media ħielsa. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Parlament wissa dwar tentattivi kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha biex jimminaw il-pluraliżmu tal-midja. Il-MPE iddenunzjaw l-attakki fuq il-ġurnalisti, b’mod partikolari minn politiċi, u talbu lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni kontra kawżi abbużivi. Fis-27 ta’ April, tħabbret proposta biex tiġi indirizzata l-litigazzjoni malizzjuża kontra l-ġurnalisti u l-attivisti.

Il-MPE iddenunzjaw l-attakki fuq il-ġurnalisti, partikolarment mill-politiċi, u talbu lill-Kummissjoni biex tressaq leġiżlazzjoni kontra l-kawżi abbużivi. Is-sena li għaddiet, ġiet ippreżentata proposta biex tiġi indirizzata litigazzjoni malizzjuża kontra ġurnalisti u attivisti u din bħalissa qed tiġi ttrattata mill-koleġiżlaturi.

Il-ġurnalisti jistgħu jibagħtu l-artiklu/artikli tagħhom online hawn.  

Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu jingħata kull sena madwar is-16 ta’ Ottubru, jum li fih inqatlet il-ġurnalista Maltija ©EP