Fl-2022 il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet bi kważi 22,000 li huwa ferm ogħla minn kemm jesa l-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali li fih joqogħdu sa 17,000 spettatur. Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-Jum Dinji tal-Popolazzjoni juru li sal-aħħar tas-sena li għaddiet il-popolazzjoni laħqet il-542,051 – żieda ta’ 4.2 fil-mija. Għaxar snin ilu, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet 421,230 jiġifieri żieda qawwija ta’ aktar minn 25% mill-2012.

Iż-żieda fil-popolazzjoni fl-2022 kienet prinċipalment kaġun ta’ migrazzjoni netta totali (immigrazzjoni nieqes l-emigrazzjoni) ta’ 21,798 persuna li hi ekwivalenti għal 60 barrani kuljum. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu jammontaw għal 83.1 fil-mija minn dawn il-barranin. L-irġiel kienu jammontaw għal 65.8 fil-mija.

Ix-xejra demografika hi aktar sinifikanti fil-kuntest tar-rata baxxa tal-fertilità fost il-popolazzjoni Maltija li ilha tonqos għal snin sħaħ. It-twelid ta’ trabi Maltin fl-2022 naqsu bi 2 fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. 39.7 fil-mija tan-nisa li welldu fl-2022 kellhom bejn 30 u 34 sena.

L-imwiet fost il-Maltin fl-2022 żdied b’1.6 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Mill-4,230 mewta li seħħew fl-2022, 67.4 fil-mija kienu persuni ta’ 75 sena jew aktar. Iż-żieda naturali (id-differenza bejn in-numru ta’ twelid u n-numru ta’ mwiet) kompliet tonqos fl-2022, u laħqet l-inqas valur reġistrat f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena – 79. Għalhekk, kieku ma kienx għall-influss ta’ barranin il-popolazzjoni Maltija kienet tibqa’ prattikament l-istess.

Dawn iċ-ċifri jsostnu l-argument ta’ dawk li kienu qed iwissu dwar il-politika ekonomika ta’ Malta li fl-aħħar għaxar snin kienet ibbażata b’mod predominanti fuq cheap labour. Tħassib bħal dan ġej minn evidenza li l-infrastruttura tal-pajjiż qed tikkollassa taħt iż-żieda fid-domanda f’termini ta’ enerġija, provvista ta’ ilma, kura tas-saħħa u traffiku. Barra minn hekk, dan l-influss bla kontroll qed ikollu riperkussjoni soċjo-ekonomika fuq lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar u l-Imsida fejn il-Maltin saru minoranza.

Kważi 53 fil-mija tal-popolazzjoni residenti totali fl-aħħar tal-2022 kienu irġiel. Persuni taħt it-18-il sena kienu jammontaw għal 15.1 fil-mija tal-popolazzjoni totali, filwaqt li 18.6 fil-mija kellhom aktar minn 65 sena. Minn dawn, 3,395 persuna – 2,415 mara u 980 raġel – kellhom aktar minn 90 sena.