Kif qed inrabbu lil uliedna llum?
Jidher li kull ġenerazzjoni taħseb li dik ta’ warajhom hi mfissda u nieqsa mill-aħjar valuri u manjieri. X’qed jiġri minn din il-ġenerazzjoni li tielgħa llum? Ma rridx niġġeneralizza imma spiss qed nisimgħu bi tfal u adoloxxenti li wħud minnhom qed jonqsu mir-rispett, mhux biss lejn il-ġenituri tagħhom, imma wkoll fl-iskola u barra fil-komunita’.
M’hemmx dubju li l-influwenzi materjali tas-soċjeta’ tal-lum qed ikollhom impatt fuq il-ġenerazzjoni li tielgħa. It-tfal u l-adoloxxenti jinnotaw kif qed jilbsu, kif jagħmlu xagħarhom u kif jiddevertu. Il-ġenituri tal-lum jagħmlu tajjeb meta jixtru affarijiet għal uliedhom. Ħafna jkunu jridu jikkuntentawhom billi jixtrulhom l-oġġetti li jixtiequ. Oħrajn jaqgħu għall-pressjoni minn ġenituri oħrajn u jistinkaw biex ikunu bħal ħaddieħor. Issib ġenituri oħrajn li jfissdu lil uliedhom għax huma kienu mċaħħda meta kienu żgħar u jemmnu li uliedhom ikunu aktar kuntenti jekk jagħmlu dan.
Minkejja ċertu każijiet li nisimgħu jew naqraw fl-aħbarijiet, il-biċċa l-kbira tat-tfal u l-adoloxxenti qed ikunu mrobbija b’valuri tajbin u f’għożża kbira, imrawwma biex jistinkaw u biex jikkontrollaw lilhom infushom. Niltaqgħu ma’ ġenituri li għandhom ulied eżemplari li mhumiex imfissdin u li żviluppaw l-awto-dixxiplina.
Madankollu l-ġenituri jridu jibqgħu jtambru fuq ċertu strateġiji ma’ uliedhom. Iridu jibqgħu jgħallmuhom japprezzaw il-valur tal-flus u li jfakkruhom li ‘l quddiem meta jsibu impjieg huma iridu jaħdmu u jistinkaw biex jaqilgħu l-flus.
Jeħtieġ li l–adoloxxenti tal-lum japprezzaw l-affarijiet u jkunu grati. Jeħtieġ ukoll li jagħrfu jagħdru lil ħaddieħor u fejn hemm bżonn jagħmlu karita’ ma’ min jinsab f’qagħda vulnerabbli. Meta t-tfal u l-adoloxxenti jaraw lil ħaddieħor fil-bżonn u jkunu mgħallma biex jgħinu lil dawk inqas fortunati minnhom, ikunu inqas egoisti.
Meta neżaminaw il-motivazzjoni tagħna wara x-xewqa li nixtru iżjed affarijiet lil uliedna, nistgħu nimxu billi nkunu ġenituri b’saħħitna u li niżviluppaw valuri f’uliedna li jġorruhom magħhom meta jsiru adulti.
L-akkwist ta’ aktar affarijiet materjali ma jibnix il-karattru tal-persuna. Minflok joħloq dipendenza fuq l-affarijiet li wieħed jixtri biex iħossu aħjar. Iżda qajla tissodisfa.
Allura meta darb’oħra tħoss il-ħtieġa li tixtri xi ħaġa lil uliedek, fakkar lilek innifsek li ibnek jew bintek iridu jgħixu f’din id-dinja bis-saħħa tal-valuri u b’karattru sod.