Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi kontra t-traffikar tal-persuni fil-Mediterran
Il-kriżi tat-traffikar illegali tal-persuni fil-Mediterran hi responsabbilta’ internazzjonali li trid tinqasam u li teħtieġ taħlita kumplessa ta’ sforzi.
Il-qagħda tal-immigranti hi sitwazzjoni eċċezzjonali li teħtieġ azzjoni eċċezzjonali u koordinata. Hu kruċjali li l-kawżi tal-kriżi jkunu indirizzati mill-għeruq. Insemmu l-faqar, il-gwerer u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.
Skont statistika miġbura minn Defend Europa din is-sena, kważi 13,000 immigrant irregolari waslu fl-Ewropa permezz tar-rotta fil-Mediterran sa Marzu li għadda.
Minkejja l-ħafna wegħdi u xinxilli mill-politiċi Ewropej, l-awtoritajiet fallew biex irażżnu, bl-aktar mod adekwat, il-mewġa ta’ immigranti irregolari fl-Ewropa.
L-Unjoni Ewropea trid, bis-serjeta’, tindirizza l-kawżi prinċipali tal-kriżi bi sħubija mill-qrib mal-pajjiżi fir-reġjun u mal-komunita’ internazzjonali. Jeħtieġ li l-kwistjoni tinqabad minn qrunha bl-aktar mod komprensiv, bil-kawżi prinċipali jkunu trattati kemm fil-pajjiżi minn fejn l-immigranti bdew il-vjaġġ tagħhom kif ukoll fil-pajjiżi fejn jieqfu biex ikomplu bil-vjaġġ tagħhom (bħal Malta u l-Italja biex jidħlu fl-Ewropa).
Sakemm is-sitwazzjoni fil-Libja tistabbilizza ruħha permezz ta’ Gvern magħqud li jikkontrolla z-zoni kollha fil-pajjiż (inkluż il-fruntieri marittimi tiegħu), it-traffikar tal-persuni se jibqa’ jseħħ. L-Unjoni Ewropea kienet bdiet tappoġġa dan il-proċess imma mhux qed jimmaterjalizza kif xieraq.
Il-kriżi umanitarja dejjem tiżdied fil-Mediterran messa ilha li ġibdet l-attenzjoni tal-komunita’ internazzjonali biex tfittex il-kawżi u tiġi b’azzjoni konkreta. Skont Téte António, Osservatur Permanenti għall-Unjoni Afrikana, fatturi bħal il-bidla fil-klima, in-nuqqas ta’ progress fil-mobbilta’ bejn pajjiż Afrikan u ieħor kif ukoll id-distakk diġitali, wasslu għall-ħolqien ta’ gruppi kriminali, li ppreżentaw theddida lis-sigurta’ u stabbilta’ fl-Afrika u fil-komunita’ internazzjonali.
Is-soluzzjonijiet għandhom jinstabu fil-prinċipji tal-umanita’, is-solidarjeta’, il-qsim tal-piż, id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u l-liġi umanitarja. Hawnhekk għandu jissaħħaħ ir-rwol tas-sħubija koordinata fost il-partijiet interessati bħalma huma l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi konċernati.
Sadattant in-nazzjonijiet għandhom jingħaqdu u jaħdmu flimkien sabiex jagħmlu rondi u jissorveljaw il-medda kbira li hu l-baħar Mediterran fejn il-kriminali jieħdu vantaġġ minnu sabiex joperaw u ma jinqabdux. Dawn is-sħubiji stabbiliti għandhom jgħinu lill-pajjiżi fil-Mediterran sabiex jegħlbu l-isfidi li jheddu l-liberta’ u s-sigurta’ marittima.
Meta se titgħallem l-Unjoni Ewropea biex tkun serja fuq din il-kwistjoni?