Ix-xogħol mid-dar wara li tintemm il-kriżi tal-COVID-19 se jibqa’?
Malta fetħet mill-ġdid il-ħajja pubblika wara ġimgħat ta’ restrizzjonijiet. Ħafna ħaddiema li matul din l-imxija ħadmu mid-dar kellhom jieqfu mill-kollegamenti tagħhom bl-Iskype, biż-Zoom b’xi għodda teknoloġika oħra u marru lura lejn il-post tax-xogħol.
Wieħed mill-ħsibijiet li ġieni f’moħħi hu li dan jista’ jpoġġi lill-ambjent fi żvantaġġ. Fil-ġimgħat li għaddew esperjenzajna inqas karozzi fit-toroq, b’riżultat li t-tniġġis fl-arja naqas drastikament. Is-sema kien aktar ċar mis-soltu, il-veduti mill-bogħod kien jidhru iżjed u l-baħar kien aktar ċar u nadif.
Madankollu, numru ta’ ħwienet diġà ingħataw il-permess mill-awtoritajiet u fetħu għall-pubbliku. Xi faċilitajiet industrijali, binjiet kummerċjali u negozji ukoll qed joħorġu minn din il-kriżi. Dan huwa inevitabbli. Imma huwa inevitabbli li ħafna ħaddiema, xi darba jirritornaw lejn l-uffiċċji tagħhom?
L-esperiment tat-teleworking, kawża tal-Coronavirus, wera li l-ħidma mid-dar tista’ taħdem għal ċertu setturi tal-popolazzjoni. Tabilħaqq wieħed jista’ jargumenta jekk dawk il-ħaddiema li kienu u forsi għadhom jaħdmu mid-dar, għandhomx jibqgħu jagħmlu dan. Żġur li se jkun hemm perċentwal tal-popolazzjoni li sempliċiment jirritorna għar-rutina ta’ qabel malli l-kriżi tal-Coronavirus tintemm. Madankollu, l-għajta hemm barra hi t-telework ħadem matul din l-imxija. Il-prospettivi f’ċertu postijiet tax-xogħol juru li numru ta’ ħaddiema se jitħallew ikpmplu jaħdmu mid-dar. Voice of the Workers jinkoraġġixxi din ix-xejra.
Qabel kien hemm xettiċiżmu kbir dwar kemm it-teleworking kienx se jiffunzjona tajjeb. Kellha tiġi din il-kriżi biex ħafna employers u ħaddiema jippruvawh. Madankollu, li x-xogħol mid-dar ikun norma soċjali fis-sens wiesa’ tiegħu, x’aktarx ma jkunx xenarju li naraw iseħħ kullimkien peress li mhux kulħadd jista’ jwettqu. Xi postijiet tax-xogħol jisħqu li l-ħaddiema tagħhom mhux veru jaħdmu mid-dar bl-istess mod li jaħdmu fl-uffiċċji u b’hekk jippruvaw jipprevjenu kull metodu biex ix-xogħol isir mid-dar.
Hekk kif it-tħarbit kaġunat minn din il-burraxka jisforza lil kulħadd biex jirrifletti fuq il-ħajja tax-xogħol tagħna, ir-rwol li t-teleworking għandu jilgħab fil-futur qrib m’għandux jiġi injorat.