Ix-xirja ta’ kull ġimgħa għand is-supermarket
Dan huwa wieħed mill-filmati li produċejna flimkien mal-Bank Ċentrali ta’ Malta fis-serje tal-ibbaġitjar tagħna.
Ippermettuli nintroduċi lill-familja ta’ ĠEMMA. Jiena Tony. Jien ir-raġel ta’ Maria. Naħdem bħala maniġer f’negozju kbir fl-industrija tas-servizzi. Marti, Maria, għandha 40 sena u taħdem fin-negozju tal-familja ta’ missieri. Għandna żewġt iftal: Matthias, it-tifel tagħna li għandu 11-il sena, u li bħalissa jinsab fl-iskola sekondarja, u Angele, li għandha 17-il sena u li qed tlesti l-fażi tal-iskola sekondarja għolja matul din is-sena skolastika.
Lil Tony għedtlu li daqshekk ġie miegħi waqt li nagħmel ix-xiri tal-familja ta’ kull ġimgħa fiċ-ċentru kummerċjali tas-soltu tagħna. Kull darba jispiċċa jqabbadni puplesija. Jiena persuna organizzata ħafna u nħobb nippjana ix-xirja tal-familja li nagħmel kull ġimgħa sal-inqas ċenteżmu. Tony, minkejja li kemm-il darba ngħidlu, min-naħa l-oħra qisu il-Baruni Scicluna. Jaqbad jitlaq għal rasu jdur mas-supermarket kalm kalm u jitfa’ fit-trolley dak kollu li togħrku għajnejh għalih. Nieħu xokk kull darba li jitfaċċa bit-trolley tiegħu ħdejn il-kaxxier biex inħallsu. Xejn – m’hemmx strateġija li jużaw is-supermarkets biex jattirawk u jġiegħluk tixtri iżjed milli tkun ippjanajt li ma’ jaqax għaliha.
Ix-xirja ta’ kull ġimgħa hi waħda mill-ikbar spejjeż li jkollna bħala familja; u nimmaġina bħal kull familja oħra wkoll.
Nippjana kull xirja minn ġimgħa għal ġimgħa. B’hekk nassigura ruħi, partikularment fejn jidħol ikel bħal frott, ħaxix, perżut u ikel ieħor li jiskadi mill-ewwel, li nixtri dak li verament jiena għandi bżonn – u b’hekk innaqqas il-ħela fl-ikel.
Ma’ tantx nimpressjona ruħi bid-ditti. llum għandi biżżejjed esperjenza ta’ ikel u prodotti li m’humiex tad-ditta, imma li xorta waħda huma ta’ kwalità eċċellenti. Inżomm għajnejja miftuħin sew għal xi offerta speċjali li jsiru minn żmien għal żmien. Mhux l-ewwel darba li nispiċċa naqbeż xi ftit il-baġit li nkun għamilt miegħi nnifsi meta jkun hemm offerti bħal dawn, però l-importanti hu li dawn ikunu prodotti tal-bżonn li xorta waħda kien ser ikolli nixtrihom, u li min-naħa l-oħra ma jiskadux mill-ewwel.
Meta nipprepara l-lista tax-xiri nħobb naħdem b’din ir-regola ġenerali: 80% tan-nefqa għandha tkun fuq ikel u affarijiet tad-dar li huma ‘tal-bżonn’ – ikel jew prodotti essenzjali. Sadattant jien nibbaġitja 20% għall-ikel li verament nistgħu ngħaddu mingħajru. Fl-opinjoni tiegħi huwa importanti wkoll li ta’ kultant nieħdu xi treats bħal gallettini, ġelati u xi ħlewwiet oħra.
Nistennew bil-ħerqa li nisimgħu mingħandek. Aħna bħala ĠEMMA ninkoraġġuk sabiex taqsam din il-link jew dan il-vidjow mal-ħbieb tiegħek jew pubblikament fuq il-paġna tiegħek ta’ Facebook stess. Żur il-paġna ta’ ĠEMMA fuq Facebook u agħmlilna LIKE!