L-akkużi li ħarġu dan l-aħħar b’konnessjoni ma’ żewġ inkjesti maġisterjali dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim li jinvolvu nies fl-ogħla livelli ta’ poter, negozjanti u professjonisti hija biss l-aħħar kapitlu tal-akbar traġedja li laqtet il-Gżejjer Maltin f’dan is-seklu. Kull ma jmur, jidher li l-enfasi qegħda dejjem tersaq lejn il-politiċi. Għal xi wħud dan jista’ jkun ta’ sorpriża iżda ħafna donnhom kienu qed jistennewha. Is-sħab iswed li jtappan il-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet dehru fuq ix-xefaq snin ilu, iżda l-maġġoranza nqabdu fil-ferneżija li jaħtfu kemm jifilħu sakemm ikollhom iċ-ċans.

Ir-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 kellha twassal għal entużjażmu ġdid fil-pajjiż wara 25 sena ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kważi bla interruzzjoni ta’ xejn. Madankollu, fl-aħħar snin kienu ikkaratterizzati minn apatija, arroganza u skandli ta’ korruzzjoni.

Tmien snin wara, madankollu, il-livell ta’ governanza f’Malta niżel fl-agħar livelli mill-Indipendenza. Waħda wara l-oħra l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż ġew mheżża minn skandli enormi. Bdejna bl-iskandlu tal-Café Premier u ta’ Gaffarena li kien wassal għal riforma tad-Dipartiment tal-Artijiet li nbidel f’Awtorità. Għalkemm dak iż-żmien il-Gvern seta’ ngħata l-benefiċċju tad-dubju, dak li segwa ħalla ftit dubju li dan kien biss togħma ta’ dak li kien qed jinħema. L-iskandlu tal-Panama Papers, l-indħil politiku fil-pulizija u fl-armata, u l-mod li bih istituzzjonijiet bħall-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) saritilhom sarima kien biss il-bidu. L-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kif ukoll l-Awtorità tal-Logħob kienu wkoll fl-aħbarijiet għar-raġunijiet ħżiena, b’allegazzjonijiet serji dwar it-tmexxija tagħhom. Anke l-ġudikatura kienet taħt sħaba sewda wara l-mod sfaċċat li bih nies qrib il-Partit Laburista jekk mhux uffiċjali intgħażlu għall-maġistrati u l-imħallfin. Saħansitra wasalna f’punt li anke l-midja indipendenti ġiet mheżża minn skandlu, wara l-arrest dwar akkużi ta’ tixħim ta’ żewġ eks-diretturi maniġerjali tal-Allied Newspapers li jippublikaw Times of Malta.

Tabilħaqq, dan huwa każ ta’ kif l-Istat Malti inħataf ostaġġ. Dak li huwa saħansitra iktar tal-iskantament huwa li dan ġara fi stat membru tal-UE minn koalizzjoni perversa ta’ politiċi korrotti, negozjanti u uffiċjali pubbliċi li d-denominatur komuni tagħhom kien qligħ illeċitu personali, rgħiba u nuqqas ta’ rispett lejn is-saltna tad-dritt.

Sfortunatament, kien biss wara l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 li ħafna nġiebu f’sensihom. Xahar wara l-ieħor l-enfasi qed tersaq lejn il-politiċi, b’allegazzjonijiet li l-membri tal-Kabinett huma mdaħħla f’reati kriminali. Għalkemm il-Prim Ministru darba wara l-oħra ikkonsla ruħu billi qal li dawn l-akkużi huma xhieda ta’ istituzzjonijiet li jiffunzjonaw b’mod sħiħ, dan mhux il-każ. Li kieku ma kienx għall-qtil brutali ta’ ġurnalista, il-perseveranza tal-eks kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jinfetħu żewġ inkjesti maġisterjali waqt li kien redikolat min-naħa tal-Gvern, u d-determinazzjoni tas-soċjetà ċivili, xejn minn dan ma kien jiġri. Indikatur inkwetanti ieħor huwa li l-investigazzjonijiet jidhru li ma qed iwasslu imkien, tant li l-pulizija qed jiddependu fuq il-maħfriet presidenzjali. Soluzzjoni bħal din għandha tkun l-aħħar għażla għax tfisser ammissjoni ta’ falliment u mezz biex il-kriminali ma jieħdux dak li ħaqqhom.

Aktar minn qatt qabel, Malta qed tiffaċċja telgħa iebsa biex tnaddaf ir-reputazzjoni tagħha. Il-kwotazzjoni famuża ta’ Oscar Wilde – “nafu l-prezz ta’ kollox imma l-valur ta’ xejn” hi xempju tal-mentalità prevalenti li waslitna biex tkaxkarna daqshekk ’l isfel.

Imma dik kwistjoni li jistħoqqilha editorjal separat.