Żbalji persistenti li qed iwasslu għal tnaqqis qawwi fil-pagi tal-impjegati tal-Grupp OZO,  kuntrattur imqabbad mill-Wasteserv, wasslu biex il-UĦM Voice of the Workers titlob l-intervent tad-Direttur tax-Xogħol.

L-aħħar żvolta f’din is-saga li ilha tkaxkar xhur sħaħ ġrat ftit jiem ilu meta l-impjegati tal-OZO fil-Wasterserv  ġew notifikati li l-paga li kienu se jirċievu f’Marzu kien se jkun fiha l-iżbalji. Dan minħabba diffikultajiet biex tinġabar l-informazzjoni li tintuża biex  jinħadmu l-pagi. Għalhekk kienu se jintlaqtu l-overtime, il-leave u s-salarji nfushom. Barra minn hekk, l-impjegati se jkollhom jistennew sal-aħħar t’April biex jirċievu dak li suppost ħadu f’Marzu.

Il-UĦM talbet l-intervent tad-Direttur tax-Xogħol fid-dawl tal-fatt li dan ma kienx inċident iżolat, iżda nuqqas li ilu sejjer għal aktar minn sena minkejja l-wegħdiet li din il-problema kellha tkun solvuta darba għal dejjem.

“L-impjegati m’għandhomx jiġu kkastigati għal dawn l-iżbalji li huma r-riżultat ta’ konfużjoni ikkawżata minn diżorganizzazzjoni u nuqqas ta’ koordinament bejn il-kumpanija u l-Wasteserv,” il-ħaddiema tal-OZO qalu lil Voice of the Workers Weekly.

Il-UĦM irrimarkat li xi dawn l-iżbalji  qed jitfgħu lill-ħaddiema f’baħar ta’ nkwiet minħabba dewmien fil-ħlasijiet ta’ self fuq id-djar jew problemi mal-Arms minħabba kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux imħallsa fil-ħin.

Is-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar minħabba li din id-darba l-kumpanija se tieħu xahar sħiħ biex tirranġa l-iżbalji tagħha, filwaqt li qabel is-sitwazzjoni kienet qed tiġi rranġata fi ftit jiem.

F’Diċembru li għadda dan il-portal kien irrapporta li f’Jannar 2020 meta l-Wasteserv ikkummissjonat lill-kuntrattur attwali OZO, kien ġie mwiegħed li dawn l-iżbalji kienu se jieqfu. Dak iż-żmien kien twaqqaf grupp apposta u ttieħdu miżuri bħall-installazzjoni ta’ tagħmir għall-attendenza bl-iskop li jkun hemm titjib fl-amministrazzjoni. Madankollu, l-iżbalji baqgħu jippersistu u xhieda ta’ dan huma l-ilmenti li l-UĦM tirċievi fl-aħħar ta’ kull xahar.

Għalkemm il-Wasteserv timpjega mijiet, huma biss ftit li huma fuq il-kotba tagħha. Il-bqija, li jvarjaw minn ħaddiema b’ħiliet bażiċi għal professjonisti, huma impjegati mal-kuntrattur permezz ta’ outsourcing. Dan l-arranġament huwa sors ta’ nuqqas ta’ koordinament u xi kultant anke konfużjoni.

Il-kwistjoni saret waħda endemika sal-punt li fl-aħħar ftehim kollettiv tal-2018, li ġie innegozjat mill-UĦM Voice of the Workers li għandha r-rikonoxximent uffiċjali, kienet ġiet miżjuda klawsola speċifikament għal każijiet bħal dawn. Permezz ta’ dan il-ftehim, żbalji fil-pagi għandhom jiġu indirizzati fi żmien tliet ġimgħat. Dan bl-iskop li l-ammont dovut ikun laħaq ingħata sal-paga ta’ wara u b’hekk ma jkunx hemm lok għal aktar żbalji.

Issa li l-kwistjoni kienet riferuta lid-Direttur tax-Xogħol, il-UĦM tittama li tittieħed azzjoni immedjata biex tinstab soluzzjoni. Nittamaw li mhux qed tintuża l-istess strateġija tal-Ministeru tas-Saħħa li jirrifjuta t-triq tad-djalogu soċjali bl-iskop li l-union ma jkollha l-ebda triq oħra ħlief li tordna azzjonijiet industrijali –  biex imbagħad jagħmel mandat il-Qorti u jipprova jimblokka lill-ħaddiema milli jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.