Bl-iskop li jitnaqqas ir-riskju li jiġu infettati bil-Coronavirus, in-nies madwar id-dinja qed ibidlu l-istil kif jilqgħu lil xulxin.

It-teħid bl-idejn hu wieħed mill-aktar tislijiet komuni fid-dinja, partikularment fil-qasam tan-negozju u l-politika. Imma, tgħid, it-teħid tradizzjonali bl-idejn se jieqaf milli jsir? L-esperti tas-saħħa jirrakkomandaw li t-teħid bl-idejn jiġi evitat sabiex jitnaqqas ir-riskju li wieħed jiġi infettat bil-marda. Imma noqogħdu attenti u ma nagħmlux kif għamel il-Prim Ministru tal-Olanda għax wara li ntemmet konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar biex ħadd ma jieħu b’idejn xulxin, dlonk nesa dak li qal u ħa b’idejn ħaddieħor.

Fi Franza, il-Gvern avża liċ-ċittadini tiegħu biex joqgħodu lura milli jilqgħu lil ħaddieħor permezz tal-bews fuq il-ħaddejn. Imma l-President Franċiż Emmanuel Macron, madankollu, bies ħaddejn il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte waqt summit li sar f’Napli fil-jiem li għaddew, biex simbolikament juri li ma beżax jagħmel kuntatt mal-pajjiż ġar tiegħu li huwa affettwat bil-kbir mit-tixrid tal-Coronavirus.

Tislija komuni fost iż-żgħażagħ hi dik ponn ma’ ponn. Lil hinn minn dan l-istil modern, hu mifhum li din it-tislija tittrasmetti inqas mikrobi mit-teħid tal-idejn, tant li studju partikulari sab li din tip ta’ tislija tittrasmetti 90 fil-mija inqas mikrobi.

It-tgħanniq huwa mod ieħor kif isir it-tixrid tal-mikrobi, imma r-riċerka wkoll sabet li t-tgħanniqa ma’ xi ħadd qrib tagħna tista’ issaħħaħ is-sistema immunitarja u f’xi każijiet tista’ ukoll ittejjeb ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn mexxej ta’ pajjiż u ieħor.

Pajjiżi oħrajn, bħall-Awstralja, jirrakkomandaw li għalissa t-teptipa fuq id-dahar għandha tkun tislija adekwata flok it-teħid bl-idejn. Imma filwaqt li tittrasmetti inqas bakterja minn forom oħrajn ta’ tislijiet, it-teptipa fuq id-dahar tista’ tiġi interpretata minn xi wħud bħala ġest ta’ superjorità minn min jagħmilha.

Probabbilment, l-aktar mod faċli biex wieħed jilqa’ persuna oħra, mingħajr ma jxerred il-mikrobi, hu li jħares f’għajnejn dak li jkun u jitbissimlu biex isellimlu.

Intant ilkoll kemm aħna rridu noqogħdu attenti u nevitaw kuntatti mill-viċin u wisq aktar ħruġ għal xejn b’xejn. Fil-frattemp, il-ħajja tkompli.