Is-suq tax-xogħol tal-UE wara l-pandemija
Il-Kummissjoni Ewropea reċentement ippubblikat il-proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2023. Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali annwali tal-impjiegi u l-iżviluppi soċjali ewlenin fl-Unjoni u tal-miżuri ta’ politika reċenti tal-Istati Membri.
Dan ir-rapport ikkonferma li s-suq tax-xogħol tal-UE issa rkupra għal kollox mill-pandemija tal-COVID-19, u wera prestazzjoni b’saħħitha u qabeż il-livelli ta’ impjieg ta’ qabel il-pandemija sa mit-tielet kwart tal-2021.
Minkejja dan it-tkabbir, ir-rapport juri li ż-żgħażagħ, in-nisa, u l-gruppi vulnerabbli, bħal persuni b’diżabilità jew immigranti, jeħtieġu aktar appoġġ biex jissieħbu fis-suq tax-xogħol.
Ir-rapport jenfasizza wkoll l-importanza li jissaħħu l-politiki biex jgħinu lill-ħaddiema jiksbu ħiliet mitluba biex itaffu r-riskji ta’ nuqqas ta’ xogħol u ħiliet, speċjalment fl-isfond tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Iż-żidiet fil-prezzijiet mill-2021, aċċellerati mill-gwerra fl-Ukrajna, qed jagħmlu pressjoni kemm fuq l-ekonomija tal-UE kif ukoll fuq il-familji, peress li d-dħul tal-familji f’termini reali naqas għall-ewwel darba mill-pandemija tal-COVID 19.
F’dan il-kuntest, ir-rapport enfasizza l-importanza ta’ pagi minimi ġusti u adegwati u li għandha tittieħed azzjoni biex titjieb il-protezzjoni tad-dħul minimu.