In-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’diversi setturi mal-Privat f’Għawdex qed jixxotta b’rata mgħaġġla. Ir-realta’ hi li l-ħaddiema Għawdxin qed jippreferu jaħdmu f’Malta jew barra minn xtutna għax qed isibu kundizzjonijiet tax-xogħol u paga aħjar. 

Min iħaddem f’Għawdex qed isibha diffiċli biex jimpjega ħaddiema Għawdxin u, biex jibqa’ għaddej u r-rota tkun tista’ iddur, m’għandux triq oħra ħlief li jirrikorri għall-ħaddiema barranin. 

X’qed jiġri?  

Minn informazzjoni li rnexxielu  jiġbor dan il-portal jirriżulta li jekk nitkellmu dwar il-ħaddiema fil-Privat, is-sitwazzjoni f’Għawdex hi li l-maġġoranza tagħhom, partikularment dawk li jaħdmu fil-catering, ħaddiema  tas-sengħa jew fil-kostruzzjoni, huma barranin partikularment minn Sqallija, mis-Serbja u mill-Bulgarija. L-Għawdxin fis-settur tal-catering saru ineżistenti. Il-ftit Għawdxin li għadhom jaħdmu f’dan is-settur x’aktarx jinsabu fil-livell ta’ management jew inkella tant ikunu imdorrijin f’dan ix-xogħol li hemm iridu jibqgħu. 

Sors li tkellem magħna qalilna li “m’għadekx tara studenti fil-catering ħlief dawk li jiggradwaw bħala chef jew f’karigi simili…inkella studenti li jaħdmu part-time fis-Sajf”. Is-sors tagħna qalilna li “Għawdxi jrid ikollu paga u kundizzjonijiet tajbin biex imur f’dan is-settur….għandek ukoll il-fenomenu li   billi fil-catering trid taħdem fi tmiem il-ġimgħa, ħafna studenti jippreferu jsibu xogħol ieħor mhux fil-catering ħalli fil-weekend imorru jiddevertu”. 

Mill-banda l-oħra min iħaddem fil-catering qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi ta’ staġjonalita’. Il-kwistjoni hi li sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel xorta waħda jridu jibqgħu joħorġu l-pagi!  

Huwa fatt li s-suq tal-catering fil-gżira Għawdxija kiber u d-domanda qed  tiżdied. Filwaqt li f’Malta l-andament f’dan  is-settur jibqa’ għaddej matul is-sena kollha, mhux l-istess ngħidu li jsir f’Għawdex.  

Xenarju simili jinsab fil-qasam tal-kostruzzjoni. Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’dan il-qasam ftit li xejn fadal. Għalkemm bħalissa hemm ċaqliqa sewwa fis-suq tal-kostruzzjoni f’Għawdex, dan is-suq xorta waħda jibqa’ iżgħar minn dak ta’  Malta u jista’ jkun li  min iħaddem mhux f’pożizzjoni li jagħti salarji aħjar. Persuna li tkellmet magħna fissret li “kien hemm ħaddiema li tgħallmu s-sengħa ta’ bennej u telqu minn mal-kumpanija biex sabu mpjieg ieħor li  jrendi aktar jew li jagħmlu l-istess xogħol b’salarju aħjar f’Malta”.  Aktarx minħabba  dawn ir-raġunijiet, min iħaddem fil-kostruzzjoni qed jispiċċa jimpjega ħaddiema barranin u bla esperjenza, l-aktar mill-Ewropa tal-Lvant u mis-Sirja. Dan għandu impatt finanzjarju fuq min iħaddem sabiex jerġa’ jgħallem ħaddiema ġodda. Jista’ jkun li fis-setturi tal-catering, tal-kostruzzjoni u xogħolijiet simili oħrajn, il-paga u l-kundizzjonijiet  tax-xogħol f’Malta huma aħjar?  

Jekk nitkellmu dwar in-nisa Għawdxin fis-suq tax-xogħol jidher li wħud ta’ ċertu eta’ u ta’ livell edukattiv isibuha diffiċli biex iħallu l-familja u jmorru jaħdmu f’Malta. Min qed jagħżel karriera minħabba kundizzjonijiet aħjar u pagi aħjar ukoll qed jispiċċa biex jagħżel li joqgħod u  jibni familja f’Malta. Dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu f’Għawdex, u li minħabba raġunijiet personali forsi ma komplewx bl-istudji tagħhom, issibhom jaħdmu fil-ħwienet jew fis-settur turistiku.  

Kwistjoni oħra hi marbuta mal-istudenti fejn il-maġġoranza tagħhom tkompli l-istudji f’xi kors fl-Universita’ ta’ Malta. Sussegwentament, malli jiggradwaw, dawn iż-żgħażagħ Għawdxin qed isibu xogħol f’Malta, jiżżewġu u jibqgħu f’Malta. Konsegwentament ix-xejra qed tkun li wħud mill-ġenituri tagħhom qed jispiċċaw biex iħallu raħal twelidhom f’Għawdex u jmorru joqogħdu f’Malta ħalli jkunu qrib uliedhom. 

Joe Muscat, iċ-Chairperson tal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex u l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorita’  tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA), jirrimarka li hemm opportunitajiet ta’ xogħol f’Malta, bħal fl-avjazzjoni, li għal raġunijiet loġistiċi, ma jistgħux ikunu f’Għawdex. Għaldaqstant peress li s-settur tal-avjazzjoni u l-industrija ta’ l-Igaming iħallsu pagi tajbin, kif ukoll bit-titjib li sar fit-trasport  bejn  iż-żewġ gżejjer, iż-żgħażagħ Għawdxin jippreferu jmorru jaħdmu f’Malta.  

Hu fisser li jirċievi diversi  lmenti mingħand imprendituri Għawdxin fis-settur privat għax dawn mhux qed isibu ħaddiema Għawdxin. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni u għal raġunijiet oħrajn, il-GTA ikkummissjonat studju dwar is-suq tat-turiżmu f’Għawdex (li jkopri 50 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross fil-gżira Għawdxija) u li r-riżultati tiegħu mistennija jkunu pubblikati fil-jiem li ġejjin. 

Kollox ma’ kollox, dan il-portal jisħaq mal-Gvern biex isaħħaħ il-politika tiegħu dwar is-suq tax-xogħol f’Għawdex. Jeħtieġ li l-investiment dirett barrani ma jinġiebx biss f’Malta imma anki jmur f’Għawdex sabiex jinħolqu impjiegi ta’ kwalita’ b’salarji u kundizzjonijiet aħjar. Voice of the Workers  ukoll jikkontendi li l-gżira Għawdxija hi mudell eżemplari sabiex il-ħaddiema Għawdxin ikunu organizzati f’koperattivi. Għawdex u l-ħaddiema Għawdxin jixirqilhom aħjar.