Minn Hermann Micallef

“Irridu nassiguraw li aktar nisa jkollhom aċċess għal impjiegi f’pożizzjonijiet għolja, pożizzjonijiet fejn fihom jittieħdu deċizjonijiet.” Kliem l-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli li, f’intervista ma’ Voice of the Workers, tkellmet dwar il-ħtieġa li aktar nisa joħorġu jaħdmu u li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol.

Fl-intervista l-Ewro Parlamentari Laburista tirreaġixxi dwar il-qagħda tal-Isptar Monte Karmeli, tikkummenta dwar il-governanza u t-trasparenza fil-pajjiż, dwar is-saltna tad-dritt, fuq is-sigurta’ f’Malta kif ukoll dwar l-ambjent.

Mistoqsija kurjuża li saret lill-Onorevoli Dalli hi dwar jekk hix interessata għall-kariga ta’ Mexxej Laburista.

L-intervista sħiħa mal-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli hi kif ġej:

 

Inti membru fil-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurta’ fl-Ikel. Bħalissa s-saħħa pubblika hi topika f’Malta, partikularment b’aħbarijiet dwar il-qagħda tal-Isptar Monte Karmeli. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Bħala Chair tal-Koalizzjoni Ewropea tas-Saħħa Mentali kelli bosta okkażjonijiet, anke f’Malta flimkien mar-Richmond Foundation, biex inħarsu lejn is-saħħa mentali u l-istigma li għadha teżisti. Il-problemi taʾ saħħa mentali m’humiex dejjem viżibbli u għalhekk aktar diffiċli biex tispjega lil dawk ta’ madwarek minn x’hiex tkun għaddej.

Jiena ma nemminx li npoġġu persuni b’mard mentali magħluqin f’istituzzjoni għandha tkun l-unika alternattiva. Ir-realtà hi li l-Isptar Monte Karmeli li joffri kura f’istituzzjoni ilu mitluq snin twal. Hawnhekk il-Gvern preżenti qed jindirizza problema ta’ kwart ta’ seklu u żied il-budget fuq it-tisbiħ u l-manutenzjoni għal €6 miljun fis-sena. Ir-realtà hi li fis-settur tas-saħħa dan il-Gvern sab problemi mifruxa u qiegħed jindirizzhom settur, settur.

Fl-istess waqt irridu nkomplu naċċertaw ruħna li pajjiżna jimxi lejn investiment favur kura fil-komunità fejn il-persuni jingħataw id-dinjità u l-possibilità li jgħixu ħajja kemm jista’ jkun normali, fejn jikkontribwixxu u l-potenzjal tagħhom ikun apprezzat u utilizzat. Il-ħidma li tagħmel ir-Richmond Foundation f´dan il-qasam huwa eżempju tajjeb li jrid jigi sostnut.

Il-ħidma fuq livell taʾ trattament mediku trid timxi id fʾid mal-kunċett taʾ kura primarja għas-saħħa mentali. Min iħaddem għandu wkoll jagħraf li jekk jinvesti f’għajnuna psikoloġika lill-ħaddiem tiegħu din m’hijiex spiża żejda imma huwa investiment f’ħajja aħjar għall-ħaddiema tiegħu. Ħaddiem mentalment b’saħħtu jagħti xogħol aħjar u jaħdem aktar.

L-Ewro Parlamentari Laburista Alfred Sant stqarr f’intervista fuq Newsbook li “hemm bżonn niddiskutu t-tisħiħ tal-istrutturi kontra l-korruzzjoni”. Qal ukoll li “hemm il-ħtieġa li l-governanza f’Malta tkun aktar trasparenti u addattata għaż-żminijiet tal-lum”. X’inhuma l-kummenti tiegħek dwar dan? Taqbel miegħu?

L-ebda sistema m’hi perfetta u f’kull sistema dejjem ikun hemm bżonn ta’ titjib li jista’ jsir. F’dan ir-rigward mill-2013 Gvern Laburista daħħal diversi liġijiet u ppropona numru ta’ emendi biex iżid it-trasparenza u l-kontabbiltà u biex isaħħaħ ir-rule of law f’pajjiżna.

Ftit eżempji minn dawn il-liġijiet li saru huma t-tneħħija ta’ preskrizzjoni minn fuq politiċi meta dawn jikkommettu illegalitajiet u prattiċi ta’ korruzzjoni, il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti u l-liġi li permezz tagħha tingħata protezzjoni lil Whistleblower.

Hemm ukoll l-emendi kostituzzjonali li jsaħħu l-proċess li bih isiru ħatriet tal-ġudikatura b’tali mod li dawn isiru minn kumitat maħtur apposta u allura b’hekk ikun hemm aktar indipendenza u trasparenza. Għaddiet ukoll mill-Parlament il-liġi li permezz tagħha ħatriet ta’ Chairpersons f’awtoritajiet regolatorji jew Ambaxxaturi li mhux ġejjin mis-servizz pubbliku jiġu regolati hekk kif issa se jibdew jgħaddu minn skrutinju Parlamentari. Tajjeb nenfasizzaw li dawn huma kollha prattiċi ġodda li gvernijiet preċedenti ma implimentawx f’pajjiżna.

Qed jiġu wkoll diskussi emendi fil-liġi tal-Media li, fost oħrajn, għandhom ineħħu l-libell kriminali u l-użu ta’ mandati kawtelatorji kontra ġurnalisti. Dan bl-ebda mod ma jneħħi r-responsabbiltà ta’ ġurnalist li jirrapporta b’mod fattwali u mhux b’mod inveritier. Huwa b’dan il-mod li tista’ ssaħħaħ il-libertà tal-espressjoni.

Dawn huma kollha inizjattivi li Gvern Nazzjonalista ma ħax fis-snin li għamel fil-Gvern.

Ifisser li wasalna? Nemmen li fadal xi jsir iżda jien fiduċjuza li bħalma dan il-Gvern fi ftit snin għamel dawn il-bidliet kollha, għandu l-kredibbiltà li jkompli jwettaq bidliet oħrajn biex ikompli jsaħħah is-sistemi ta’ pajjiżna.

Taħseb li f’Malta hawn kriżi ta’ governanza?

F’pajjiż bi kriżi ta’ governanza ma jsirux inizjattivi u emendi biex tissaħħaħ id-demokrazija u ma jittieħdux inizjattivi biex jissaħħu d-drittijiet fundamentali.

F’pajjiżi nara Gvern impenjat li jkompli jsaħħaħ is-sistema ta’ pajjiżna b’diversi liġijiet u inizjattivi biex dan ikompli jsir.

Nara Gvern impenjat biex isaħħaħ id-drittijiet tal-minoritajiet li wassal biex pajjiżna qiegħed quddiem nett fejn jidħlu drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, pajjiż li jagħti dinjita’ lil persuni b’diżabbilta’ b’inizjattivi li jassiguraw inklużjoni bħall-infurzar tal-liġi li titlob li perċentwal ta’ ħaddiema f’kumpaniji jkunu persuni b’diżabbiltà. F’Malta nara pajjiż li qed idaħħal aktar inizjattivi sabiex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u fil-politika. Ċertament li l-UĦM Voice of the Workers bħala union tal-ħaddiema dawn l-affarijiet tesperjenzahom first hand.

Sfortunatament l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed taġixxi mod iehor. Qed naraw kif qed isiru attakki kontinwi fuq pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej, mingħajr mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista m’hi qed tirrealizza li l-attitudni tagħha qiegħda biss tipperikola l-għixien tal-familji Maltin u Għawdxin u qed tattakka l-istabbiltà ekonomika ta’ pajjiżna. Minkejja din il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista ta’ min jinnota li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna huma fdati ferm aktar mill-Oppożizzjoni.

“Id-diskussjonijiet dwar il-bidla fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna għandhom iservu bħala opportunità biex ir-rule of law tkompli tissaħħaħ.”

Fil-fehma tiegħek, kif tiddeskrivi t-tmexxija tas-saltna tad-dritt hawn f’Malta?

Nemmen li saru avvanzi kbar fi ftit snin biss. Biżżejjed inħarsu lejn l-emendi li saru imma l-liġijiet ta’ pajjiżna huma ħajjin u dejjem se jkun hemm x’jista’ jitjieb.

Id-diskussjonijiet dwar il-bidla fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna għandhom iservu bħala opportunità biex ir-rule of law tkompli tissaħħaħ. Biex verament dan iservi ta’ eżerċizzju b’saħħtu li jħalli l-frott mixtieq irridu nwarrbu l-partiġjanizmu politiku. Jekk se nibqgħu naraw l-istess partiġjaniżmu u l-istess negattività min-naħa tal-Partit Nazzjonalista mingħajr ma jitpoġġa l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin fil-qalba ta’ dawn id-dibbatiti, allura sfortunatament se jkun il-pajjiż li jbati.

Fid-dawl tal-kriminalita’ li dejjem qed tiżdied, taħseb li Malta għadu pajjiż sikur?

Irridu naghmlu differenza kbira bejn perċezzjoni li tinbena min-narattiva politika u r-realta’. Per eżempju minkejja d-diskorsi kollha li qed isiru dwar qtil u kriminalità, l-aktar sena li kellna omiċidji fiha kienet fl-2012.

Pajjiżna għadu wieħed sikur ħafna tant li numru ta’ rapporti jpoġġu lil Malta fost l-aktar pajjizi sikuri fid-dinja. New World Wealth Consultancy perezempju fl-2018 tpoġġi lil Malta bħala t-tieni pajjiż l-aktar sigur għan-nisa wara l-Awstralja. Il-European Travel Commission’s Trending Destinations 2017 poġġiet lil Malta fost l-ewwel ħames destinazzjonijiet u fattur li kkontribwixxa kien il-fatt li pajjiżna hu meqjus bħala post sikur.

Huwa mportanti li l-pulizija jkomplu jiġu mħarrġa u mgħammra bir-riżorsi kollha neċessarji biex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu dmirijiethom bl-aktar mod effiċjenti u bl-aktar mod sikur għall-poplu Malti u Għawdxi.

 

Il-kunċett ta’ l-istess ħlas għall-istess xogħol għadu ma japplikax b’mod sħiħ f’pajjiżna. X’inhuma l-impenji jew l-isforzi tiegħek biex id-diskrepanza bejn dak li jaqilgħu l-irġiel u dak li jaqilgħu n-nisa tiġi eradikata?

Il-prinċipju tal-istess ħlas għall-istess xogħol narawh applikat fil-ligi tagħna inkluż fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna iżda minkejja dan fil-prattika għadna naraw li l-gender pay gap bejn in-nisa u l-irgiel hija ta 10.6 fil-mija. Filfatt minkejja iż-żieda fin-nisa li jaħdmu xorta għad hemm ħafna inqas nisa li jaħdmu meta kkumparat mal-irġiel.

Hemm żewġ sfidi ewlenin li n-nisa qed jiffaċċjaw:

  • L-aċċessibilità għas-suq tax-xogħol;
  • L-aċċessibilita għall pożizzjonijiet għolja b’pagi aktar għolja.

L-ewwel punt beda jigi indirizzat minn Gvern Laburista b’diversi inizjattivi li ttieħdu biex aktar nisa joħorgu jaħdmu b’inizjattivi family friendly bħal servizz ta’ childcare b’xejn, breakfast clubs, klabb 3-16 u oħrajn. Fiflatt statistika li ħarġet fl-2017 turi li mill-2012 kien hemm żieda ta’ 20 fil-mija fin-nisa li ħargu jaħdmu. Madanakolu xorta għad għandna 55.5 fil-mija biss tan-nisa li jaħdmu meta kkumparat mat-83.1  fil-mija tal-irġiel li jaħdmu.

Dwar it-tieni punt irridu nassiguraw li aktar nisa jkollhom aċċess għall-impjiegi f’pożizjonijiet għolja, pożizzjonijiet fejn fihom jittieħdu deċizjonijiet. Meta tara statistika dwar nisa f’pożizjonijiet għolja fejn jittieħdu deċizjonijiet, fil-midja u f’kumpaniji dejjem nibqgħu naraw nuqqas ta’ nisa. L-istess fil-politika.

Għalhekk li l-proġett LEAD li nieda l-Partit Laburista, u li qed immexxi, huwa inizjattiva li nemmen fiha u se nibqa’ naħdem bi sħiħ fuqha għaliex permezz tagħha qed inqarrbu aktar nisa lejn il-ħajja politika.

It-tieni parti ta’  din l-intervista se tidher  fil-ħarġa tal-ġimgħa d-dieħla.