‘Is-suċċess tal-UE irid jkun ibbażat fuq jekk il-miri stabbiliti hux qed jinħassu mill-poplu’
Is-suċċess tal-UE għandu jitkejjel billi jiġi evalwat jekk il-miri stabbiliti humiex qed jinħassu mill-poplu aktar milli fuq il-pjanijiet u d-direttivi infushom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella għamel dan l-appell waqt dibattitu organizzat minn Servizzi Ewropej Malta (SEM) fil-kumpless Esplora fil-Kalkara bħala parti mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Id-dibattitu ffoka fuq il-futur tal-impjiegi fl-UE u ħadu sehem rappreżentanti mill-imsieħba soċjali kif ukoll il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE Stefan Zrinzo Azzopardi. Id-dibattitu kien fuq kwistjonijiet bħad-diġitalizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol, il-bidliet li ġabet magħha l-pandemija, ir-right to disconnect u r-remote working.
Fil-kummenti tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM innota li kien hemm każijiet fejn pjanijiet u miri ambizzjużi stabbiliti mill-UE ma nħassux fil-livelli kollha tas-soċjetà. “Din hija r-raġuni għaliex is-suċċess m’għandux ikun ikkalkulat fuq il-pjanijiet infushom iżda fuq jekk il-miri humiex qed jintlaħqu.”
Barra minn hekk, Vella wissa li l-UE m’għandhiex tiffoka biss fuq l-isfidi fi ħdanha imma żżomm għajnejha fuq is-sitwazzjoni globali għax din tista’ tkun theddida serja. “L-UE bħala blokk trid tistabbilixxi kif se tissalvagwardja lilha nnifisha minn kontinenti oħra. Filwaqt li qed niddibattu kif ngħollu l-livelli, kemm jekk huma green jobs, id-diġitalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-livelli rispettivi fil-kontinenti li jikkompetu mal-UE huma baxxi. Jekk l-UE ma tiħux miżuri u jekk ikun hemm bżonn, tpoġġi restrizzjonijiet fl-importazzjoni ta’ ċerti prodotti, nistgħu naslu fi stadju li din is-sitwazzjoni tkun ta’ theddida għall-pjanijiet interni tal-istess UE,” il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM irrimarka.
It-twissija saret fl-isfond tat-tħassib li l-UE qed issir dejjem aktar dipendenti fuq fornituri u blokki esterni, sal-punt li dan jista’ jhedded serjament is-saħħa tagħha bħala fil-qasam ekonomiku u finanzjarju globali.
Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-produttività fil-kuntest tar-remote working, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM wissa kontra dak li ddeskriva bħala “false productivity measures” fejn il-prestazzjoni tal-impjegat titkejjel biss fuq l-ammont ta’ ħin li għamel quddiem il-kompjuter jew wara l-iskrivanija.
“Nispera li t-tranżizzjoni għal remote working ma tkunx pass lura fis-sens li l-produttività titkejjel f’termini ta’ kemm idum ma ċċaqlaq il-mouse, sempliċiment għax il-ħaddiema ma jkunux qed jaħdmu fl-uffiċċju,” Vella qal.
Il-kejl aħħari għandu jkun jekk l-impjegat hux qed jilħaq il-miri stabbiliti jew le irrispettivament mill-post minn fejn qed isir ix-xogħol. Madankollu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM irrikonoxxa li ċerti impjiegi xorta jridu jiddependu fuq komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ mal-klijenti bħal investigazzjonijiet.
Barra minn hekk, mhux il-klijenti kollha huma familjari mat-teknoloġija u kapaċi jużaw teknoloġiji online għal ċerti investigazzjonijiet. Servizzi psikoloġiċi huma bbażati fuq ħiliet speċifiċi bħall-empatija liema ħiliet jistgħu jiġu komunikati aħjar permezz ta komunikazzjoni wiċċ imb’wiċċ.