Il-pubblikazzjoni tal-istudji tal-Gvern fuq sistema ta’ trasport tal-massa taħt l-art (metro) seħħet meta l-elezzjoni ġenerali tinsab qrib filwaqt li t-traffiku reġa’ żdied għal dak li kien qabel il-pandemija jekk mhux aktar, minkejja l-miljuni li ntefqu fit-toroq. Dawn l-istudju kienu saru fl-2016 imma għal xi raġuni kellhom jgħaddu ħames snin biex ikunu pubblikati. Bir-raġun hemm min qed jistaqsi jekk dan il-pjan ambizzjuż hux biss kastell fl-arja jew xi attentat mill-Gvern biex jidher sabiħ  mal-eluf ta’ sewwieqa li jinsabu frustrati minħabba t-traffiku, mal-iżviluppaturi jew  mal-ambjentalisti li ilhom snin jinsistu fuq il-bżonn ta’ sistema sostenibbli ta’ trasport tal-massa. Minn perspettiva politika kien hemm ukoll suġġerimenti dan jista’ jkun mezz biex titbiegħed  l-attenzjoni minn fuq kwistjonijiet aktar urġenti.

Minn dak li rajna s’issa mill-kampanja pubbliċitarja tal-Gvern, tieħu l-impressjoni li dan il-proġett fuq skala enormi huwa deċiż. Dan minħabba l-livell ta’ dettall ta’ dawn il-pjani. Apparti n-netwerk tar-rotot, fuq il-midja soċjali l-Gvern ippubblika l-postijiet eżatti tal-istazzjonijiet sal-punt li d-dibattitu u l-kontroversja tidher li qed tiffokaw fuq affarijiet li minn ċertu lat jidhru li huma trivjali. F’xi każijiet, bħall-istazzjon li hemm propost fil-Balluta smajna tħassib li monument tal-eks President Ċensu Tabone jkollu jitmexxa. Madankollu, x’qed jintqal fuq il-proġett fuq skala nazzjonali? Id-diskussjoni qegħda tiffoka fuq l-impatt ambjentali, il-vijabilità finanzjarja, u l-effetti soċjo-ekonomiċi li se jkollu dan il-proġett?

F’intervista ma’ Voice of the Workers Weekly, il-Ministru għall-Infrastruttura Borg f’Mejju li għadda kien skjett fuq dan il-proġett u deher li kellu dubji serji dwaru. Dakinhar kien ġustament wissa li mhux kull ma jleqq hu deheb. L-ewwelnett, kien għamilha ċara li proġett bħal dan se jfisser nefqa annwali ta’ €90 miljun li tista’ tkun ta’ piż fuq il-kaxxa ta’ Malta speċjalment issa li minħabba l-Covid-19 id-dejn żdied.

Il-Ministru Borg kien wissa wkoll li l-Gvern kellu jiżen l-impatt ambjentali speċjalment il-volum kbir ta’ skart tal-kostruzzjoni ġġenerat. Dan  hu stmat  li se jkun ta’ 10 miljun tunnellata li hu ekwivalenti għal kważi 1.5 miljun trakk – ħames darbiet akbar minn dak li jkun ġenerat jekk issir il-mina bejn Malta u Għawdex. Minħabba li għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni jekk Malta se tkun qed tagħmel r-reklamazzjoni tal-art, il-kwistjoni ssir aktar serja. Fejn se jmur dan il-materjal kollu?

Minn perspettiva ekonomika u finanzjarja, Borg kien irrimarka wkoll li fil-preżent l-unika rotta vijabbli tkun minn Pembroke għall-Gżira peress li dik hija l-unika rotta fejn hemm biżżejjed nies biex is-servizz jagħmel profitt.

In-nies ma jistgħux jistennew li jivvjaġġaw b’xejn bil-metro għax dan ikun jeħtieġ nefqa annwali rikorrenti fir-reġjun bejn €80 miljun u €90 miljun fis-sena biex imexxu s-servizz,” kien qal il-Ministru għat-Trasport. Sadattant, il-Gvern xorta jibqa’ jkollu jħallas bejn €30 miljun u €35 miljun fis-sena f’sussidji lill-operatur tal-karozzi tal-linja, jekk mhux aktar peress li s-servizz ikollu jiġi aġġustat biex iwassal in-nies sal-istazzjonijiet tal-metro. Din in-nefqa issa żgur li se jkollha tiżdied wara li l-Gvern ħabbar li s-servizz tal-karozza tal-linja se jsir b’xejn għad-detenturi li għandhom tal-linja card.

“Għalkemm kulħadd jieħu pjaċir ikollu stazzjon tal-metro fil-pjazza tar-raħal, il-Gvern għandu jiddeċiedi b’mod responsabbli,” il-Ministru kien qal.

Skont dawn l-istudji anke r-rotot infushom jistgħu jqajmu kontroversja minħabba l-impatt ikkawżat fuq il-valur tal-proprjetajiet fil-qrib u l-komunità tan-negozju.

Fi kliem il-Ministru tal-Infrastruttura tkun xi tkun id-deċiżjoni li tittieħed, il-pajjiż irid iħallas prezz. Sistema tal-metro għandha l-potenzjal li tnaqqas it-traffiku. Madankollu, meta ma tħaris lejn l-istampa kollha u tintilef fid-dettal tkun qed tirriskja li  fl-aħħar mill-aħħar il-proġett ifalli qabel ma jibda.