Tilqim tal-Covid-19 li nxtraw mill-Ministeru tas-Saħħa u li jiskadu dan ix-xahar ingħataw ‘ħajja ġdida’ wara li d-data ta’ skadenza tagħhom ġiet estiża bi tliet xhur. Mhux magħruf jekk dawn il-vaċċini humiex se jintużaw biex jingħata l-booster lill-anzjani u persuni vulnerabbli. Id-deċiżjoni ttieħdet wara avviż mill-produtturi tal-vaċċin (Pfizer-Biontech) li fiha qalu li d-data tal-iskandenza tista’ tiġi estiża jekk il-vaċċin jinħażen f’ċertu kundizzjonijiet.

Korrispondenza li ntweriet lil Voice of the Workers Weekly tikkonferma li s-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU)- l-entità fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa li tieħu ħsieb il-provvisti tal-mediċina – għandha mill-inqas 12-il kunsinna li kienu immarkati li jiskadu wara sitt xhur u li issa ġew immarkati li jiskadu wara disa’ xhur.

Id-data oriġinali ta’ skadenza ta’ dawn il-vaċċini kienet tvarja mill-aħħar ta’ dan ix-xahar sal-aħħar ta’ Jannar 2022. F’ittra lil tobba, tekniċi tal-farmaċija, spiżjara u infermiera, is-CPSU kkwotat lil Pfizer-Biontech li qalet li kunsinni b’data ta’ skadenza ta’ Ġunju 2021 sa Marzu 2022 stampata fuq it-tikketta jistgħu jibqgħu jintużaw għal tliet xhur wara d-data stampata, sakemm jinżammu f’temperaturi bejn -90℃ sa -60℃.

Għalkemm dan il-portal m’għandu l-ebda raġuni biex jiddubita minn dak li iddeċieda l-Ministeru tas-Saħħa li mexa skont l-istruzzjonijiet tal-produttur tal-vaċċin, mistoqsijiet mibgħuta minn Voice of the Workers Weekly ma kinux imwieġba sakemm inkiteb dan l-artiklu.

Għalhekk, mhux magħruf kemm kien hemm vaċċini li kienu se jiskadu u li d-data tagħhom ġiet estiża bi tliet xhur. Barra minn hekk, ma waslet l-ebda risposta jekk l-awtoritajiet Maltin talbux spjegazzjoni lil ‘Pfizer-Biontech dwar ir-raġunijiet għaliex id-data tal-iskadenza ġiet estiża issa u mhux fl-istadju tal-produzzjoni. Il-Ministeru tas-Saħħa naqas ukoll milli jgħid liema assigurazzjonijiet talab mingħand il-produttur fir-rigward ta’ riskji li jista’ jkun hemm bid-deċiżjoni li tiġġedded id-data tal-iskadenza. Il-Gvern mhux qed jgħid lanqas jekk dawn it-12-il kunsinna li wħud minnhom oriġinarjament kienu jiskadu fi tmiem Ottubru humiex se jiġu amministrati lill-anzjani u persuni vulnerabbli bħala booster.

S’issa ġew amministrati aktar minn 840,000 doża tal-vaċċin (li jinkludu ditti oħra mhux biss Pfizer-Biontech) li minnhom 27,000 doża tal-booster. Madanakollu, hu ta’ diżappunt li l-Ministeru tas-Saħħa ma laqax it-talba biex tingħata iktar informazzjoni fuq din il-kampanja ta’ tilqim.