Il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu adotta abbozz ta’ regoli ġodda tal-UE biex itemm l-impunità tas-sewwieqa barranin u jtejjeb is-sikurezza fit-toroq. Skont ir-regoli attwali, jekk sewwieq iwettaq reat f’pajjiż ieħor għajr dak li ħareġ il-liċenzja tiegħu u jitlifha, is-sanzjoni ħafna drabi tkun valida biss fil-pajjiż fejn twettaq ir-reat u ma tinvolvi l-ebda restrizzjoni fil- bqija tal-UE.

Ebda ħarba mill-iskwalifika tas-sewqan u skeda ta’ żmien aktar stretta

Skont ir-regoli l-ġodda proposti, id-deċiżjonijiet dwar is-sospensjoni, ir-restrizzjoni jew l-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan ta’ min mhux residenti fil-pajjiż fejn twettqet il-kontravenzjoni se jkollhom jgħaddu l-informazzjoni tal-każ lill-pajjiż tal-UE li ħareġ il-liċenzja tas-sewqan, biex jiġi żgurat li d-deċiżjoni ta’ skwalifika tiġi applikata fil-pajjiżi kollha tal-UE.

L-MEPs jipproponu l-espansjoni tal-lista ta’ reati gravi tat-traffiku li jwasslu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iskwalifika tas-sewqan. Minbarra l-proposta mill-Kummissjoni li tinkludi veloċità eċċessiva, sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jew droga u reati tat-traffiku li jikkawżaw mewt jew korriment gravi, il-MPE jridu jżidu reat tas-sewqan mingħajr liċenzja valida. Il-MPE tat-Trasport jissuġġerixxu li jiġu stabbiliti skadenzi stretti għall-pajjiżi tal-UE biex jinfurmaw lil xulxin u lill-persuna kkonċernata dwar deċiżjonijiet ta’ skwalifika tas-sewqan.

Is-simplifikazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni

Il-MPE tat-Trasport irrevedew ukoll abbozz ta’ regoli tal-UE dwar l-iskambju bejn pajjiż u ieħor ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku biex tissimplifika l-assistenza bejn l-istati membri. Il-kumitat appoġġa l-espansjoni tal-lista ta’ reati tat-traffiku li jwasslu għal investigazzjoni biex tinkludi parkeġġ u sewqan perikoluż, kif ukoll hit and run.

Minħabba li f’madwar 40% tar-reati il-piena ma tkunx applikata, il-MPE jappoġġjaw proċeduri ta’ assistenza aktar robusti bejn il-pajjiżi tal-UE billi jinvolvu aktar punti ta’ kuntatt nazzjonali f’investigazzjonijiet transkonfinali, jipprovdulhom aċċess għal reġistri nazzjonali differenti u jistabbilixxu portal tal-IT għall-iskambju ta’ informazzjoni.

Sfond

Iż-żewġ proposti huma parti mill-pakkett tas-sikurezza fit-toroq ippreżentat mill-Kummissjoni f’Marzu 2023 biex titjieb is-sigurtà, jiġi faċilitat l-infurzar tar-regoli tat-traffiku u jiġu modernizzati r-regoli tal-liċenzja tas-sewqan. L-għan aħħari huwa li nersqu kemm jista’ jkun għal sitwazzjoni fejn l-imwiet fit-toroq ikunu eliminati għal kollox sal-2050 (Viżjoni Żero).