Is-sewqan fit-toroq tagħna
Diversi sewwieqa Maltin iħossuhom liberi li bil-mod tagħhom japplikaw sett ta’ regoli totalment differenti mill-bqija minna, u tabilħaqq mill-kumplament tal-Ewropa, meta jiġu biex isuqu vettura. Ebda rispett lejn ir-regoli tat-triq, ebda kortesija jew kunsiderazzjoni lejn min juża t-triq.
Ħafna sewwieqa f’Malta jħaddmu kodiċi tat-triq għalihom infushom. Jekk nieħdu xi eżempji, l-ewwel persuna li tasal ma’ roundabout għandha prijorita’. L-eżistenza tal-istop sign jew il-give way mhix ta’ importanza. Li taqla’ karozza huwa permissibbli fiċ-ċirkostanzi possibbli kollha. Huwa xi ħaġa normali li żewġ karozzi jew tlieta jaqbżu t-traffic lights wara li d-dwal jaqgħu fuq l-aħmar.
L-użu tal-indicators hu injorat kważi għal kollox. Għadek tara min ikun bil-mobile ma’ widnejh waqt li qed isuq. U dan minkejja li għoliet il-multa li tingħata lil min jinqabad iċempel waqt li jkun qed isuq. Huwa wkoll aċċettabbli li wieħed isuq fuq iż-żewġ karreġġjati b’veloċita’ baxxa.
Il-parkeġġ huwa permissibbli f’kull sitwazzjoni – fuq iż-zebra crossings, fuq il-bus–stops, fuq id-double yellow lines u kullimkien fejn hemm id-dell. It-taxis u l-minibuses huma eżenti milli jobdu l-limiti tal-veloċita’ u kull aspett ieħor ta’ imġieba ċivilizzata.
Li turi kortesija huwa sinjal ta’ dgħufija. Qatt tirringrazzja sewwieq ieħor jekk iċedilek. Ibqa’ ħares ‘il quddiem. M’għandekx għalfejn tagħti kas liċ-ċiklisti jew lil min suq il-muturi. Li twaqqa’ ċiklist minn fuq ir-rota jew sewwieq minn fuq mutur u tweġġagħhom serjament huwa dejjem tort tagħhom.
Forsi tgħidu li qed nesaġera imma ma taħsbux li xi ftit jew wisq din hija r-realta’ fit-toroq tagħna? Hawn ħafna karozzi fit-toroq u biż-żieda ta’ ħaddiema barranin, in-numru ta’ karozzi żdied immensament. In-nuqqas ta’ paċenzja fostna l-Maltin, l-egoiżmu sfrenat u d-dritt sagrosant li għandna raġun jagħmlu riċetta tajba għal imġieba perikoluża u ksuħat fit-toroq – xi ħaġa li ftit li xejn issibha fl-Ewropa għajr f’xi pajjiżi Mediterranji.
Il-wardens tat-traffiku rari tarahom, imma ma jkunux preżenti f’numri suffiċjenti biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ pulizija. Sakemm ma jkunx hemm sforz regolari mill-pulizija biex jippenalizzaw il-kontravenzjonijiet fis-sewqan permezz ta’ sistema serja ta’ multi li jkunu amministrati b’mod frekwenti, is-sewwieq Malti se jibqa’ jaħrab mil-liġi.
Dwar in-nuqqas ta’ kortesija, sfortunatament din hija karatteristika kulturali tagħna l-Maltin li trid tinbidel permezz ta’ iżjed edukazzjoni fl-iskejjel u fil-media dwar kif inġibu ruħna fit-triq. Aħna l-Maltin nies akkoljenti imma mhux dejjem inkunu ċivili jew rispettabbli. Il-kortesija trid tiġi mgħallma fl-iskejjel u, aħjar minn hekk, fid-djar. In-nuqqas ta’ kortesija u manjieri tajbin fl-imġieba pubblika Maltija, li tiġi applikata fil-mod kif insuqu, huwa ħafna drabi xokkanti.
Fil-jiem li għaddew żort l-Olanda u dan il-pajjiż hu wieħed minn tlieta fl-Unjoni Ewropea li għandu toroq sikuri. Dak li jiddistingwi lill-Olandiżi hu li huma nies rispettabbli. Osservajt kemm għandhom kunsiderazzjoni lejn ħaddieħor – la jimbottaw u lanqas jgħajjtu. Suq x’imkien f’Malta u n-nuqqas ta’ rispett fit-toroq huwa imbarazzanti – sewwieqa jserrpu bl-addoċċ mingħajr ma jixegħlu l-indicator jew jieqfu ħesrem f’nofs ta’ triq biex ikellmu lil xi ħadd.
Fl-opinjoni tiegħi, l-effettivita’ tas-sigurta’ fit-toroq tiddependi fuq l-imġieba tas-sewwieq. Jekk din ma tkunx dixxiplinata u rispettabbli, l-imġieba perikoluża u egoista ta’ diversi sewwieqa fit-toroq Maltin se tippersisti. Hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni fost is-sewwieqa, iżjed taħriġ u infurzar mill-pulizija. Inkella nibqgħu ngħixu fl-injoranza.