Dan l-aħħar tħabbar li l-Mellieħa  saret l-ewwel villaġġ li nieda l-inizjattiva, tant mistennija minn  ħafna, tal-Pulizija fil-Komunita’. Dan huwa proġett bi sħab bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bl-iskop li t-tnejn jaħdmu flimkien ħalli jidentifikaw problemi relatati mal-komunita’, jiddeterminaw il-kawża tal-għeruq tagħhom u mbagħad japplikaw soluzzjonijiet biex inaqqsu jew  jeliminaw dawn il-problemi. 

Il-Pulizija fil-Komunita’ taħdem f’ħafna pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti. Ir-riċerka sabet li din tabilħaqq tagħti r-riżultati għax hi effettiva biex tnaqqas ir-reati kriminali u żżid is-sigurta’ pubblika. 

Sa fl-aħħar il-Pulizija fil-Komunita’ ġiet introdotta f’Malta u jekk tkun implimentata tajjeb taf tipprovdi diversi vantaġġi. Wieħed mill-benefiċċji hu li r-residenti x’aktarx li jikkooperaw mal-Pulizija, ikunu b’seba’ għajnejn u jieħdu ħsieb lill-ġirien tagħhom filwaqt li jirrapportaw persuni suspettużi jew inċidenti kriminali meta jafu li jistgħu jafdaw lill-Pulizija. 

Madankollu, ir-rondi fil-lokalita’ u l-kuntatt mar-residenti mhux biżżejjed. Element kritika tal-pulizija fil-komunita’ hu s-soluzzjoni  tal-problemi. Il-pulizija huma mistennija li jkunu proattivi u kreattivi mhux biss biex jindirizzaw imma  billi jipprevjenu l-problemi. 

Il-Pulizija fil-Komunita’ tista’ tkun involuta fl-iskejjel  billi teduka permezz ta’ proġetti speċjali kif ukoll billi tiggwida liż-żgħażagħ. B’hekk iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw impressjoni pożittiva tal-Pulizija u l-membri  tal-Korp li jaħdmu fil-komunita’ iħossuhom rispettati iżjed. Barra minn hekk il-pulizija jħossu rabta personali mar-residenti li twassal għal aktar sodisfazzjon individwali tax-xogħol imwettaq minnhom. 

It-teknoloġija u l-qsim tal-informazzjoni għandhom irwol kbir biex il-pulizija jkunu proattivi. L-istess jingħad għall-kollaborazzjoni, fost oħrajn, ma’ dawk li  jipprovdu servizz soċjali fil-komunita’, mal-edukaturi, mal-professjonisti tas-saħħa u mal-kunsillieri. Tali sħubiji jistgħu jżidu r-riżorsi lill-Pulizija kif ukoll itejbu l-abbilta’ biex  isolvu l-problemi. 

Is-suċċess tal-Pulizija fil-Komunita’ jiddependi fuq l-abbilta’ tal-pulizija biex jibnu relazzjonijiet pożittivi mar-residenti u jieħdu l-inizjattiva ħalli jsolvu l-problemi. Imma kulħadd irid ikollu rwol importanti x’jaqdi, irrispettivament mill-kariga tal-pulizija. Strateġija effettiva tal-Pulizija fil-Komunita’ trid tassew tkun implimentata sabiex il-proġett, li mistenni jinfirex ma’ irħula u bliet oħrajn, jagħti l-frott mixtieq bl-iskop li l-kwalita’ tal-ħajja fis-soċjeta’ Maltija  tmur għall-aħjar.