Kontroversja li qamet dan l-aħħar trattat il-ħolqien ta’ karru tal-Karnival li juri lill-Arċisqof Charles J. Scicluna u d-Dar San Ġużepp, b’implikazzjoni dwar il-każi ta’ abbużi li seħħew f’din id-dar fis-snin li għaddew. 

Jidher li dan il-karru offenda lid-diriġenti ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera tant li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl lesta tieħu l-passi legali jekk il-karru jkun parti mill-Karnival. L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr, li filwaqt li ma jiddejjaqx bis-satira, qal li dan il-karru ma jixraqx għall-Karnival. 

Kelliem għall-Korp tal-Pulizija fisser ma’ Voice of the Workers li sidien ta’ karrijiet jistgħu joħolqu figuri satiriċi ta’ persuni fl-awtorità,  bħal uċuh tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-Kmandant tal-Armata jew tal-Arċisqof basta ma jiġux ridikolati jew ma jimplikawx xi ħaġa kriminali fuqhom. Jekk jagħmlu dan jistgħu jiġu  mfittxija skond Artiklu 82 A tal-Liġi Kriminali u jitressqu l-Qorti. Dwar il-kwistjoni tal-karru li ħoloq kontroversja, il-Pulizija ma tistax tipproċedi kriminalment imma l-Arċisqof jista’ jfittex ċivilment lil sid il-karru. 

Il-Professur Vicki Ann Cremona, lecturer tal-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Malta u espert dwar il-Karnival tan-Nadur, ukoll irreaġixxiet ma’ dan il-portal u qalet li jekk il-liġi kontra ċ-ċensura tirbaħ allura sid il-karru ma jistax jiġi mħarrek imma jista’ jiġi mwissi jew imwiddeb li tali karru mhux se jinżel tajjeb fil-pubbliku, anzi se jkun qed joffendi lil ħafna nies. “Imma minn tant affarijiet li qed jiġru f’dan il-pajjiż li jistgħu jiġu kkarikaturati, lill-Arċisqof morna nsibu?”, staqsiet Vicki Ann  Cremona. 

Voice of the Workers ukoll tkellem ma’ Mark Schembri, artist u karikaturist. Hu stqarr li  bħalma jiġri f’kull qasam fl-arti u f’kulma hu b’xi mod suġġettiv, dejjem tħoll u torbot l-interpretazzjoniMinħabba li fis-snin riċenti l-Karnival f’Malta beda jingħatalu xejra ta’ satira, u f’dan hu kien mill-bidu li ġie nvolut biex ix-xogħol tal-karrijiet isir sew, issa żdiedu  ċertu responsabbiltajiet ġodda fuq min joħloq il-karrijiet 

Teoretikament Mark Schembri huwa kontra li jkun hemm ċensura fuq is-satira, inkella jekk b’xi mod ikun hemm indħil jispiċċa l-iskop għaliex teżisti s-satira. Iżda huwa altament importanti li l-karrist f’dan il-każ, ikun attent ħafna għal liema simboli u metafori juża biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Malli se juża simbolu li ma ħasibx biżżejjed fuqu, se jkun hemm lok għal miżinterpretazzjoni. Jispiċċa jkun mifhum ħażin, u jekk kien se jkun hemm messaġġ ta’ kritika lejn pożizzjoni, jaf jiġi nterpretat lejn naħa oħra.  

Dwar l-idea li fil-karnival irid ikun kollox fuq nota ta’ ferħ u innoċenzaMark Schembri jistaqsi x’sirna rridu li jkun il-karnival tagħnaHu qal li wieħed irid japprezza li ladarba żdiedet l-idea tas-satira fir-riċetta tal-karnival Malti, żdied l-element riskjuż li ma jħallix togħma daqstant ta’ innoċenza ferriħija 

Mark Schembri fisser li l-karnival ta’ Viareggio fl-Italja, fejn hemm tradizzjoni kbira ta’ karnival satiriku imma sabiħ u artistiku, sar karru li kien jitkellem dwar il-kruha tal-vjolenza domestika. Dan il-karru m’offriex xi ferħ partikulari iżda żgur li kellu messaġġ importanti xi jwassal.  

Hu saħaq li ma jaqbel xejn li jiġu implikati t-tfal ta’ Dar San Ġużeppgħall-fatt li diġà huma vittmi ta’ ċirkostanzi f’ħajjithom u hekk tkun qed tiżdied l-istigma fuqhom 

Voice of the Workers jikkontendi li filwaqt li jaqbel mas-satira jrid ikun hemm kontroll fuq dak li jinħoloq artistikament. Ejja nieħdu pjaċir f’dan ir-renju tal-bluha mingħajr ma nżebilħu lil ħadd bil-malizzja. Għalkemm l-artisti llum igawdu mil-libertà  tal-espressjoni, il-parametri legali dejjem iridu jiġu osservati u rispettati.