Ekonomija b’saħħitha teħtieġ bilanċ bejn il-ħarsien taċ-ċittadini u l-kompetittività tan-negozji. Dan huwa l-punt ċentrali tal-objettivi tal-Kummissjoni Ewropea biex tassigura Ewropa ġusta soċjalment, fejn il-prosperità hija ċentrali għall-politika ekonomika. 

Tabilħaqq, ikun  inutli li wieħed jistinka lejn tkabbir kostanti meta l-ekonomija nnifisha mhix qed tilħaq kull parti tas-soċjetà. Bħala tali, hemm bżonn qawwi għal Ewropa li tibqa’ tappoġġja n-negozji ż-żgħar, partikularment permezz ta’ strateġija pjanata għall-SMEs biex ittejjeb l-aċċess tagħhom fis-suq. 

Negozji żgħar għandhom il-potenzjal li  jsiru innovaturi prinċipali, u b’hekkk jikkontribwixxu lejn ekonomija iżjed b’saħħitha u iżjed ġusta. Din fl-aħħar mill-aħħar hija s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u trid timxi id f’id mhux biss bil-ħtiġiet tal-industriji kompetittivi, imma wkoll bil-miri tal-Ewropa lejn in-newtralità tal-klima u  l-ġustizzja soċjali. 

Ekonomija ġusta ċċentrata fuq iċ-ċittadini hi waħda mill-ewwel prijoritajiet elenkati minn Ursola von der Leyen, il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Din tinkludi paga minima ġusta madwar l-UE u strateġija biex tiġġieled il-faqar fl-istati membri, fost inizjattivi oħrajn.