Irridu nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ Malta
Ir-reputazzjoni ta’ Malta bħalissa tinsab kważi fl-abbissi. L-inċertezza li nħolqot fil-ġimgħat li għaddew għadha tpoġġi lill-ekonomija fil-periklu u l-impjiegi tal-ħaddiema f’riskju. Mhux faċli li nreġġgħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna għalli kienet qabel fejn għad li kienet tgawdi rispett kbir. Ir-reputazzjoni ma tinsabx fil-kontroll assolut tagħna.
Il-bini mill-ġdid tar-reputazzjoni ta’ pajjiż ma jsirx billi wieħed jippreżenta policy nazzjonali u minnha jinħasad il-frott fuq livell nazzjonali.
Irridu nsewwu l-ħsara li saret lid-dehra ta’ pajjiżna. Meta nitkellmu fuq il-politika barranija rridu nikkonvinċu mill-ġdid lill-pajjiżi barranin li Malta qed taħdem bis-serjetà biex iġġedded fejn għandha bżonn iġġedded, partikularment permezz ta’ riformi fl-istituzzjonijiet, tiġdid fil-kontabbiltà u tiġdid fit-trasparenza.
Jeħtieġ li nerġgħu niġbdu lejnna mhux l-investiment imma l-interess f’pajjiżna. Bħalissa f’Malta m’hawnx interess aħseb u ara kemm se jiġi l-investiment. Irridu nibdew mill-ġdid u dan iqajjem ċertu tħassib minn kulħadd. Kull wieħed u waħda minna jkun irid jimxi ‘l quddiem u jara li jsir progress. Imma bħalissa dan mhux il-każ.
Ħadd ma jaf meta se terġa’ tirrenja n-normalità f’Malta. Dan għax is-saga dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadha għaddejja u minn kull seduta li jkun hemm fil-Qorti qed joħorġu aħbarijiet ġodda u b’uħud li jkunu xokkanti. Din hi storja li għad m’għandhiex tmiem.
Sabiex ir-reputazzjoni ta’ Malta terġa’ tqum fuq saqajha, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jrid jindirizza l-kwistjoni tas-saltna tad-dritt, irid jara li l-ġustizzja ssir u ssir bis-serjetà ħalli nimxu ‘l quddiem, irid jagħmel ir-riformi li hemm bżonn u fejn hu meħtieġ jibdel mill-qiegħ kif ukoll irid isaħħaħ l-istituzzjonijiet dgħajfa li għandna.
Fuq kollox Gvern immexxi minn Prim Ministru ġdid irid jara li jkun hemm it-trasparenza, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-kuntratti tal-Gvern. Dan biex ma nerġgħux naraw skandlu ieħor bħal dak fil-bejgħ tal-isptarijiet lill-kumpanija Vitals.
Id-Dalai Lama kien qal li A lack of transparency results in distrust and a deep sense of insecurity. Kwotazzjoni li tassew taqbel ma’ minn xhiex għaddejna!