“Irrid ġustizzja għal uliedi” – omm u nanna li ġarrbet u għadha ġġarrab it-tbatija u l-faqar
“Jien irrid ġustizzja għal uliedi……”. Hekk saħqet Jennifer Borg*, ta’ 40 sena, omm separata ta’ tliet ulied u nanna ta’ tliet neputijiet, li għexet it-tbatija miċ-ċkunija u sal-lum għadha ġġarrab it-tbatija kawża tas-separazzjoni minn mal-eks żewġha.
Jennifer saret omm ta’ 17-il sena. Iżżewġet ta’ 18-il sena u kellha tliet ulied: żewġt ibniet, li llum għandhom 22 sena u 20 sena rispettivament, kif ukoll tifel ta’ 12-il sena. Waħda mit-tfajliet qed tgħix mal-partner tagħha, l-oħra ma’ ommha u t-tifel ma’ missieru.
Hi wkoll nanna ta’ tliet neputijiet. Ilha ħames snin tielgħa u nieżla l-Qorti. “Jgħidu li min jagħmel id-domestic violence joħroġ ‘il barra mid-dar u spiċċajt jien li ħriġt ‘il barra mid-dar, jiena l-vittma”, qalet Jennifer.
Ilha tgħix waħidha f’garaxx żgħir f’Marsaskala sa minn Jannar 2018. Qabel kienet tgħix f’post ieħor f’lokalita’ oħra. Iżda kienet binja antika u talbet lil sid il-post biex isiru xogħolijiet ta’ manutenzjoni peress li l-ħitan kienu qed ifarfru mill-umdita’ u kienu qed jaffettwaw saħħet binha ta’ 12-il sena. Iżda sid il-post, ordnat lil Jennifer biex tevakwa l-post għax inkwilini barranin kienu lesti biex jikru l-post minflokha. Hi ma setgħetx tikri post ieħor fuq kirja ta’ €700 fix-xahar għax kellha l-ispejjeż tal-qrati xi tħallas. Jennifer fissret ma’ Voice of the Workers li hi bilkemm tiekol. “Jekk tiftaħ il-cupboard, noodles se ssibli”, qalet Jennifer.
Iddeċidiet li tikri garaxx għal €300 fix-xahar għax ma sabitx b’inqas. “Suppost għandi t-tifla miegħi imma bħalissa hi qiegħda għand ommi”, fissret Jennifer.
Mistoqsija jekk għandhiex xi forma ta’ għajnuna, Jennifer qalet li l-Awtorita’ tad-Djar ilha ħames snin taf bil-każ tagħha u kull darba jgħidulha biex tistenna sakemm tingħata post għall-akkomodazzjoni. Kien hemm mument fejn l-Awtorita’ waqqgħet l-applikazzjoni tagħha iżda b’xorti tajba sabet persuna tar-ruħ fl-Awtorita’ li reġgħet fetħitilha l-file sabiex ma terġax taqa’ lura. Il-problema tagħha hi li d-dar matrimonjali tagħha hi tal-Housing u l-kuntratt jgħajjat kemm lilha kif ukoll lill-eks raġel tagħha. Imma peress li għadu ma nqasam xejn, hi marbuta minn kullimkien. Hi qalet li jekk se ċċedi l-post lill-eks raġel, għall-Gvern qed tidher li hi kellha post u rrifjutatu. Sentenza tal-Qorti biss tista’ issolvi din il-kwistjoni.
Intant Jennifer laħqet ġabet l-annullament taż-żwieġ. Iżda għandha ħafna intoppi fejn għandhom x’jaqsmu l-kura u l-kustodja tat-tifel. Skont Jennifer, uliedha jibżgħu mill-eks żewġha.
L-eks raġel tagħha qatt ma ħadem u ilu jirreġistra għax-xogħol għal dawn l-aħħar 30 sena. Xi kultant kien jaħdem minn taħt u malli kien jaqbad €2,500 kien jiddeċiedi li ma jaħdimx għal sena jew sentejn. Iżda malli twieled it-tifel, l-affarijiet donnhom bdew jistabbilizzaw ruħhom. Imma x-xitan m’għandux ħalib u sussegwentament inqalgħu affarijiet oħrajn.
Jennifer, min-naħa l-oħra taħdem bħala xufiera ma’ kumpanija tat-trasport.
Faħħret lill-management tal-kumpanija.
Il-mara żiedet li minbarra dan l-għawġ kollu, hi tbati bil-fibromyalgia, kundizzjoni li tikkawża uġigħ mal-ġisem kollu. Hi qalet li t-tobba indunaw b’din il-kundizzjoni wara 18-il sena.
Jennifer tkellmet dwar it-tfal u qalet li hi, f’ħames snin, jekk ratu sena, lit-tifel, ratu ħafna….lanqas taf x’sar minnu. L-eks żewġha pprova jċaħħadha milli tkun taf fuq saħħet it-tifel, fuq l-edukazzjoni tiegħu u biex isirlu passaport.
Voice of the Workers staqsa x’kuntatt għandha ma’ uliedha llum.
Jennifer fissret li t-tbatija tagħha bdiet mill-eta’ żgħira ta’ tmien snin.
Hi kellha 35 sena meta rrappurtat l-abbużi sesswali li ġarrbet minn idejn ziju tar-rispett meta hi kienet żgħira. Fuq is-sodda tal-mewt, zijuha allegatament talab għaliha u qalilha li “qabel ma neqirdek ma noqgħodx bi kwieti”.
Illum hi tapprezza li ma kienx tort tagħha.
Hi żiedet li meta t-tifla l-kbira bdiet toħroġ biex tiddeverti, kienu jaqbduha attakki ta’ paniku, taqta’ nifisha u kulma kien ikollha f’idejha kienet twaqqgħu. Kull darba li bintha kienet tittardja, is-serata kienet tintemm b’xi xebgħa tajba mill-eks żewġha. Imma meta spiċċaw biex marru l-Qorti, kawża tal-biża’ minn missierha, it-tifla allegatament xehdet li kull ġenitur jikkoreġi lil uliedu!. Dak iż-żmien Jennifer kienet muġugħa minħabba l-fibromyalgia, tant li ma setgħetx timxi. Kienu jgħidulha li l-uġigħ kien ġej minħabba d-depressjoni imma ma kienx il-każ.
Hi kompliet li mill-familja tal-eks raġel tagħha hi qatt ma sabet għajnuna. Dan ma jfissirx li l-familja tagħha hi skaġunata mill-ħażen u l-kattiverja, imma hi temmen li kieku hi ma sabitx għajnuna minn xi membri tal-familja tagħha, kieku uliedha ma kibrux. Li kieku ma kinitx il-ħila tagħha, kieku uliedha ma attendewx skejjel tal-Knisja. “Dejjem bil-ġlied imma kienu jmorru”, qalet Jennifer.
Sfortunatament l-eks żewġha ma kienx jagħti kas tal-edukazzjoni ta’ uliedu.
Jennifer qalet li hi għamlet kollox għall-familja u rnexxielha żżommha magħquda għal 16-il sena. Dan minkejja li l-problemi bdew wara l-ewwel ħames xhur taż-żwieġ, tant li darba minnhom spiċċat taffaċċja kanna ta’ senter. U mhux l-ewwel darba li l-eks żewġha fittex nisa oħrajn.
Voice of the Workers staqsa lil Jennifer kif qed tħossha llum wara dawk is-snin kollha ta’ abbuż, vjolenza u negliġenza.
Jennifer ixxejjen ir-rapporti dwar is-sitwazzjoni tal-faqar li jiġu pubblikati jew li jixxandru fuq il-mezzi tax-xandir. Hi tisħaq li min jgħix il-faqar ikun jaf xi tfisser għax il-vjolenza domestika hi parti mill-faqar.
Madankollu, Jennifer tisħaq li kieku ma kinitx Dar Merħba Bik, kieku ma tinsabx fejn qiegħda llum. It-tmexxija ta’ Dar Merħba Bik emmnet fiha, emmnet fil-potenzjal tagħha li taħdem sabiex tkun indipendenti bid-dħul finanzjarju tagħha. Hi ħadmet u stinkat biex sabet xogħol u biex ġabet liċenzja tas-sewqan. Għalkemm missierha kien jgħajjarha li ma kienet kapaċi tagħmel xejn, hi għamlet ħafna. Jennifer tirringrazzja lil Dar Merħba Bik għax l-isfaff ta’ din id-dar għenha mmens, tant li saħansitra offrielha s-servizz ta’ psikologu mingħajr ħlas.
Mhux l-istess jingħad għall-awtoritajiet tal-Gvern għax s’issa ma sabet l-ebda għajnuna. Jennifer għandha kliem iebes għall-Qorti għax ma ngħatatx aċċess li tmur l-iskola ta’ binha biex, tal-inqas, tieħu sodisfazzjon dwar kif inhu sejjer fit-tagħlim.
Kollox ma’ kollox, Jennifer qed titlob li ssir ġustizzja u li ma jibqax jiġi allegat li hi mentalment instabbli. Għalkemm imċaħħda mill-imħabba u mill-għożża tal-ulied u tan-neputijiet, Jennifer tinsab kuntenta li dawn tal-aħħar qed jiġu mrobbija mill-ġenituri tagħhom.
Barra minn hekk, minkejja t-tbatija li ġarrbet taħt idejn l-eks żewġha, minkejja li ċaħadha minn uliedha u minkejja li ma tħoss ebda emozzjoni lejh, Jennifer xorta waħda tixtieq li hu wkoll jingħata l-għajnuna għax anki hu bata u qala’ fuq wiċċu meta kien żgħir.
*L-isem veru f’dan l-artiklu qed jinbidel sabiex tkun protetta l-identita’ tal-persuna u tal-qraba tagħha.