Il-perikli li ġġib magħha l-bidla fil-klima u l-ħtieġa biex tingħata għajnuna lil dawk li jipprovaw jaqsmu l-Mediterran huma marbutin ma’ xulxin. 

Ħafna nies huma mħassba meta jiġu biex jiddiskutu r-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-kriżi tal-klima għax jibżgħu li r-razziżmu jkompli jiżdied u jiħraxu l-policies fil-ħarsien tal-fruntieri. Il-fatt hu li r-razziżmu u l-policies ħorox dwar is-sigurtà tal-fruntieri diġa’ qegħdin hemm. 

Il-bidla fil-klima żżid ir-raġunijiet li diġà għandhom in-nies biex iħallu art twelidhom, bħalma huma l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi jew l-oppressjoni politika. F’sitwazzjonijiet fejn in-nies diġà jitħabtu biex jgħixu, il-bidla fil-klima tintensifika l-pressjoni, kemm permezz ta’ livelli tal-baħar li qed jogħlew, nuqqasijiet fl-ikel, danni kawżati mill-maltempati jew fallimenti fit-tkabbir ta’ prodotti agrikoli. Nies li jgħixu fl-aktar postijiet żvantaġġjati fuq din id-dinja, u li ftit li xejn għandhom ħtija għall-bidla fil-klima, huma wkoll l-ewwel li jaffaċċjaw l-effetti tagħha. 

Fil-ftit snin li ġejjin, eluf ta’ persuni se jkunu sfurzati biex jitilqu minn pajjiżhom ħalli jevitaw kundizzjonijiet ambjentali li jistgħu jaggravaw maż-żmien. S’issa ħafna minn dawn in-nies qed jemigraw internament, minn zoni rurali għal dawk urbani, jew qed imorru f’pajjiżi  ġirien. Huma ftit in-nies li qed jivvjaġġaw distanzi twal. Dawn qed jispiċċaw f’nofs baħar u jsibu ruħhom ftit  kilometri ‘l bogħod minn dawk il-pajjiżi li parzjalment huma responsabbli għallqagħda inkwetanti fl-ambjent u għat-tip ta’ politika li qed jimxu biha.  

Ir-retorika tal-Lemin Estrem qed iżżid fis-sustanza tagħha f’nazzjonijiet b’saħħithom, partikularment fl-Ewropa. Dan għandu konsegwenzi terribbli għal dawk affettwatibħal persuni li qed jispiċċaw mgħarrqa fil-Mediterran. Ċertu politiċi jiġġustifikaw dawn il-kundizzjonijiet orribbli abbażi tal-fatt li dawn ibiegħdu aktar nies milli jersqu viċin l-Ewropa. Iżda n-numri ta’ immigranti u refuġjati li jibqgħu ġejjin jissuġġerixxu li din l-istrateġija mhux qed taħdem. 

Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-faqar u d-drittijiet tal-bniedem wissa dan l-aħħar dwar sitwazzjoni fil-futur fejn il-foqra fid-dinja se jbatu l-agħar konsegwenzi  tal-bidla fil-klima filwaqt  li l-għonja jsibu ruħhom ‘il hemm mill-inkwiet. Ir-rapport jikkonkludi fin-negattiv u jisħaq li d-drittijiet tal-bniedem jistgħu ma jibqgħux jeżistu. Il-biża’ ta’ ħafna minna hi li din il-viżjoni fejn tirrenja l-inġustizzja fil-ġejjieni tista’ ssir realtà. 

Fid-dinja li qed ngħixu hemm dawk li jew joħolqu d-diżastru jew jieħdu vantaġġ minnu biex jiksbu l-ġid u l-poter. Il-kriżi fil-klima se toħloq id-diżastri li jistgħu jgħinu lil mexxejja awtoritarji biex jieħdu r-riedni f’idejhom. Irridu nagħmlu li nistgħu biex inwaqqfuhom milli jiddominaw fl-Ewropa. Xejn ma jinbidel jekk nagħtu appoġġ b’mod passiv – ilkoll irridu nkunu attivi billi noħolqu l-futur aħjar għalina, għal uliedna  u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.