Inizjattiva minn UĦM Voice of the Workers biex tkun aktar viċin il-ħaddiem
It-Taqsima Manifattura u Kummerċ fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers qiegħda kontinwament tkun viċin il-membri tagħha, tant li varat proġett ta’ outreach.
Permezz tal-mobile office ta’ UĦM Voice of the Workers, qed isiru żjarat fil-postijiet tax-xogħol u l-uffiċjali ta’ din il-union qed jiltaqgħu mal-membri.
Fil-ġimgħat li għaddew, saru numru ta’ żjarat ġewwa l-Wasteserv u din il-union mhux biss iltaqgħet mal-ħaddiema, imma tqassmu wkoll kopji tal-ftehim kollettiv ġdid lill-membri. Dan sabiex il-ħaddiema jkunu jafu kif il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom se jitjiebu matul is-snin li ġejjin.
Dawn iż-żjarat se jissoktaw fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li din l-inizjattiva tal-outreach se tkun promossa fi stabbilimenti u oqsma industrijali bl-iskop li din il-union tkun tista’ tilħaq lill-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.
Madankollu qed isir ukoll appell lil dawk il-ħaddiema tas-settur privat biex, jekk jixtiequ jgawdu mis-servizzi tal-UĦM, jagħmlu kuntatt ma’ din il-Union sabiex jiġu skedati appuntamenti bil-mobile office ħdejn il-postijiet tax-xogħol.
Ramon Francalanza, Employment Relations Manager tat-Taqsima Manifattura u Kummerċ fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, jista’ jintlaħaq permezz tat-telefon fuq 25905000 jew inkella bl-email fuq rfrancalanza@uhm.org.mt