F’ħafna pajjiżi llum m’għadniex insibu kultura waħda imma soċjeta’ b’ħafna kulturi. Dan ifisser li fl-istess pajjiż, insibu diversi kulturi ta’ nies differenti li jeżistu lkoll flimkien. Għaldaqstant insibu persuni bi twemmin reliġjuż differenti, bi stili differenti ta’ lbies, diversi tradizzjonijiet u lingwi – ilkoll jgħixu flimkien fl-istess pajjiż. 

Taqbel magħha jew le, Malta llum hija pajjiż multi-kulturali. Nistgħu ninnotaw dan bil-preżenza ta’ eluf ta’ barranin li qed jgħixu u  jaħdmu f’pajjiżna. Ħafna ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea kif ukoll ħaddiema minn pajjiżi terzi. Ħudu s-settur  tal-catering. Fir-ristoranti, ħaddiema barranin qed iservuk. Illum rari ssib waiter Malti. Anki fis-settur tal-kostruzzjoni, il-ħaddiema Sqallin, Sirjani u mill-Ewropa tal-Lvant jippredominawIs-soċjeta’ Maltija saret magħmula minn diversi gruppi etniċi li qed jgħixu f’ħafna bliet u rħula Maltin u Għawdxin. 

Il-Maltin mhux kollha għandhom l-istess opinjoni dwar il-multikulturaliżmu. Hawn min jilqagħha b’idejh miftuħa u jisħaq li dan il-fenomenu jsaħħaħ is-soċjeta’. Min-naħa  l-oħra, issib min jikkritika l-multikulturaliżmu għax jemmen li dan inawwar il-valuri u t-tradizzjonijiet Maltin. 

Madankollu l-iskejjel għandhom ikunu l-postijiet fejn, permezz tal-edukazzjoni, l-istudenti jitgħallmu jgħixu mingħajr kull forma ta’ preġudizzju jew mibegħda. Huwa fl-iskejjel li ż-żerriegħa tal-imħabba u t-tolleranza tinżera’ u testendi lejn il-familji tagħhom u lejn issoċjeta’. 

Li nintegraw u naċċettaw gruppi etniċi oħrajn fis-soċjeta’ tagħna ma jfissirx li l-legat nisrani tagħna se jieħu daqqa ‘l isfel. Il-multikulturaliżmu jimplika li nitgħallmu ngħixu fost diversi kulturi  u tradizzjonijiet mingħajr ma nitilfu l-identita’ tagħna. 

Illum, aktar minn qatt qabel, il-multikulturaliżmu qiegħed ukoll jiġi appoġġjat f’postijiet  tax-xogħol u tad-divertiment. Il-multikulturaliżmu jista’ jkun tajjeb jew ħażin. Jekk ikun użat tajjeb, dan jista’ jġib ir-rispett, it-tolleranza u l-paċi; jekk ikun użat ħażin, il-multikulturaliżmu jista’ joħloq effetti diżastrużi. 

Is-soċjeta’ Maltija tal-lum hi dik li hi. Saret kosmopolitana. Ejja ngħixu bil-multikulturaliżmu, basta dan ikun monitorjat, ikkontrollat u dejjem jassigura li l-kultura tagħna l-Maltin tibqa’ bla mittiefsa.