In-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss
Il-kisba tal-bilanċ tal-ġeneru f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hi element kruċjali tad-demokrazija tal-parita’ u objettiv prinċipali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, filwaqt li l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru (EIGE) jirrakkomanda li r-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel f’korpi bħalma hu l-Parlament Ewropew m’għandhiex taqa’ ‘il isfel minn 40 fil-mija, fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej kienu biss 11-il stat membru minn 28 li kisbu dan il-livell ta’ bilanċ fost l-Ewro Parlamentari. Sa April 2018, dan in-numru ġie mnaqqas biss għal seba’ stati membri.
Konklużjoni prinċipali ta’ rapport, li sar mid-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għal Policies Interni tal-Unjoni, hu li l-partiti politiċi għandhom influwenza konsiderevoli fuq il-grad ta’ bilanċ tal-ġeneru fost l-Ewro Parlamentari ta’ pajjiż. Dan hu ovvjament il-każ f’sistemi ta’ listi magħluqa u stretti, fejn il-partiti jiddeterminaw liema kandidati jitqiegħdu f’pożizzjoni importanti biex jieħdu s-siġġijiet tal-partit. Imma anki f’sistemi aktar miftuħin, l-istrateġiji tar-reklutaġġ fil-partiti, il-proċessi tal-għażla, u aspetti oħrajn ta’ prattika u kultura b’mod sinifikattiv, jaffettwaw kemm il-provvista kif ukoll id-domanda għal kandidati nisa. Filwaqt li l-evidenza tissuġġerixxi li inqas nisa milli rġiel jikkommettu ruħhom għall-elezzjoni, il-partiti politiċi, kif ukoll l-istati membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, iridu jirrispondu billi jistaqsu lilhom infushom x’jistgħu jagħmlu biex jibdlu dan, inkluż billi jżidu x-xewqa għal karriera politika.
L-importanti hu li miżuri ta’ bilanċ tal-ġeneru bħalma huma l-kwoti applikati għall-għażla tal-kandidati, u partikularment iż-zipping, jistgħu jnaqqsu ħafna mill-preġudizzju u l-iżvantaġġ li jaffaċċjaw in-nisa fil-ħajja politika billi jżommu livell għoli ta’ domanda għal kandidati nisa. Madankollu, il-kwoti m’humiex rimedju għal inugwaljanza tal-ġeneru fi ħdan il-politika u m’għandhiex tkun segwita f’iżolament. Aktar passi għandhom jittieħdu sabiex tkun assigurata biex firxa wiesgħa ta’ nisa tkun imsaħħa sabiex isegwu karrieri politiċi. L-evidenza internazzjonali tissuġġerixxi li l-aħjar riżultati qed jintwerew meta l-partiti jagħmlu programmi koordinati u ambizzjużi li jfittxu li jbidlu l-istatus quo ta’ prattiċi interni ta’ partit kif ukoll it-tħejjija tal-kapaċita’ tan-nisa.
Hekk kif qed inħarsu ‘l quddiem għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss f’Mejju, inħeġġu lill-partiti biex jagħmlu li jistgħu ħalli jirrimedjaw l-iżbilanċ persistenti tal-ġeneru tal-Parlament Ewropew, anki fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri u inizjattivi. Hekk kif il-listi tal-kandidati huma preparati u finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin, insejħu lill-membri kollha tal-partiti involuti fl-għażla tal-kandidati biex jagħrfu l-importanza u l-urġenza biex tinkiseb id-demokrazija tal-parita’ u diversita’ fi ħdan l-ugwaljanza, u biex l-għażliet tagħhom jitħallew ikunu informati b’dik il-mira.