Fl-aħħar snin, f’Malta kien hawn żvilupp kemmxejn inkwetanti li qed jipperikola n-negozjar kollettiv u jisfida r-rwol fundamentali tal-unions. Il-Budget tal-2024 u l-miżuri sporadiċi li ħa l-gvern biex jiżdiedu l-pagi jidhru, mal-ewwel daqqa t’għajn, li huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, wara analiżi fid-dettall, joħroġ li dawn il-miżuri qed jimminaw il-prinċipji ewlenin tan-negozjar kollettiv, u jpoġġu l-unions f’pożizzjoni prekarja.

Fil-qalba ta’ din il-kwistjoni hemm l-istrateġija tal-gvern dwar iż-żidiet fil-pagi, li qed ikollha impatt dirett fuq ir-relattività tal-iskali tas-salarji. Il-unions, li huma s-sinsla tal-tas-suq tax-xogħol, għandhom missjoni kruċjali li jinnegozjaw il-pagi filwaqt li jiżguraw il-ġustizzja u l-bilanċ ta’ dawn l-iskali. Il-miżuri riċenti, għalkemm jidher li huma intenzjonati tajjeb, jheddu l-pedament ta’ dan il-bilanċ delikat, u qed ipoġġu lill-unions f’kantuniera u jillimitaw il-ħila tagħhom li jappoġġaw lill-membri tagħhom b’mod effettiv.

Barra minn hekk, din l-istrateġija tikkontradixxi l-ispirtu ta’ djalogu soċjali, prinċipju li Malta, bħala membru tal-Unjoni Ewropea, għandha tgħożż. Id-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-paga minima adegwata tenfasizza l-importanza li tiżdied il-kopertura tan-negozjar kollettiv. Madankollu, dak li qed jiġri f’Malta, li jista’ jdgħajjef il-unions u jnaqqas is-saħħa tan-negozjar kollettiv, hu allarmanti. Irridu nirrikonoxxu li dan ma jawgurax tajjeb  għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet ta’ impjieg ġusti.

Is-soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet urġenti tinsab billi tkun indirizzata l-problema ta’  pagi kompressati u baxxi. Id-differenza żgħira bejn l-iskali ta’ isfel u ta’ fuq hi ta’ tħassib u tfixkel il-proċess ta’ negozjar kollettiv. Minflok ma jiddependi fuq miżuri sporadiċi u ta’ darba, il-gvern għandu jiffoka fuq strateġiji sostenibbli biex jagħtu spinta lill-pagi. Dan jista’ jinkludi l-investiment fl-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet biex jissaħħaħ il-valur tas-suq tax-xogħol, l-inkoraġġiment tan-negozji biex jadottaw politiki ta’ pagi ġusti, u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ tassazzjoni progressiva li jiżguraw distribuzzjoni aktar ġusta tal-ġid.

Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-gvern jimpenja ruħu fi djalogu ġenwin mal-unions, filwaqt li jirrispetta r-rwol u l-kompetenza tagħhom fit-tiswir ta’ politiki relatati mal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Billi jrawmu l-kollaborazzjoni u r-rispett reċiproku, iż-żewġ partijiet jistgħu jaħdmu flimkien biex joħolqu suq tax-xogħol aktar ġust u aktar li jkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema, għal min iħaddem, u għall-ekonomija b’mod ġenerali.