L-infrastruttura ta’ Malta tinsab taħt pressjoni qawwija minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni b’riżultat tal-influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li issa qed tibda tolqot fil-laħam il-ħaj il-prospetti ta’ investiment.

It-twissija ngħatat fl-EY 2023 Attractiveness Report li fl-aħħar 20 sena identifika l-aktar karatteristiċi b’saħħithom u dgħajfa tan-nazzjon filwaqt li propona riformi soċjali u ekonomiċi biex jindirizzaw l-aktar kwistjonijiet urġenti. L-istħarriġ li fih ħadu sehem aktar minn 120 kumpanija ta’ investiment dirett barrani b’sehem dirett fl-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta, jidentifika l-kwistjonijiet li qed jolqtu kemm kumpaniji barranin kif ukoll lokali.

Fl-analiżi tiegħu r-rapport jinnota li hemm sinjali ċari li żdied  il-piż fuq l-infrastruttura ta’ Malta minħabba tkabbir ekonomiku, iż-żieda fil-ħaddiema u anki t-turiżmu. Fl-istess ħin, l-isfidi fis-suq tax-xogħol, ikkaratterizzati minn domanda għal ħiliet speċjalizzati f’sitwazzjoni ta’ qgħad baxx u spejjeż tax-xogħol dejjem jiżdiedu, qed inaqqsu l-attrazzjoni ta’ Malta għall-investiment.

Barra minn hekk, ir-rapport esprima diżappunt li t-twissijiet li saru fl-aħħar snin ma ngħatawx widen mill-awtoritajiet, bil-konsegwenza li ċerti kwistjonijiet saru saħansitra aktar ta’ sfida. Xi snin ilu r-rapport kienu staqsa dwar id-destinazzjoni tad-direzzjoni ekonomika ta’ Malta. “Fl-2016, fost bidliet globali, issuġġerejna l-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, li jiżguraw tkabbir sostenibbli f’setturi bħall-Fin Tech, il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ tal-komoditajiet.”

Sussegwentement fl-2017, ir-rapport kien staqsa x’tip ta’ tkabbir ekonomiku riedet Malta, partikularment kemm kienet tiflaħ nies u l-pjanijiet tal-gvern dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni. Fl-2020 reġgħu tqajmu mistoqsijiet dwar il-ħtieġa li l-ekonomija ma tibqax tiddependi mill-konsum tal-massa u n-numri u tiffoka aktar fuq il-valur miżjud u l-kwalità.

“Ħsibijiet jew fehmiet simili issa jidhru li qed jiġu  mressqa minn diversi partijiet interessati. Fl-aħħar xhur smajna sejħiet minn diversi bnadi fosthom gvern, oppożizzjoni, il-Kamra tal-Kummerċ, gruppi tal-industrija, assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, unions u s-soċjetà, li kollha qed jissuġġerixxu l-ħtieġa ta’ aġġustament jew bidla fil-mudell ekonomiku. Mudell li jenfasizza titjib sostanzjali u tanġibbli fl-infrastruttura, is-suq tax-xogħol, u sostenibbiltà ekonomika olistika lil hinn minn sempliċi tkabbir numeriku.”

It-tħassib dwar il-popolazzjoni ġej mill-fatt li f’dan l-istudju 88% qalu li l-infrastruttura ta’ Malta mhux ippreparata għat-tkabbir tal-popolazzjoni. Min-naħa l-oħra 6% biss huma pożittivi dwar dan. L-istat tal-ambjent urban u tal-ambjent naturali ukoll kienu identifikati bħala aspetti ta’ tħassib, segwiti mis-settur tat-trasport tal-massa fit-tielet post.

Qasam ieħor li huwa sors ta’ tħassib huwa ż-żieda fl-għoli tal-ħajja inkluż il-prezz tal-propjetà. F’dan ir-rigward nofs dawk li wieġbu kkwotaw dan l-aspett meta mitluba jidentifikaw fatturi li jolqtu l-abbiltà li jirreklutaw u jżommu talent minn barra. Aspetti ewlenin oħra huma l-livell ta’ salarji kompetittivi disponibbli għal individwi fl-istess settur u l-faċilità tal-proċess u l-ispiża biex ċittadini tal-UE jinġiebu Malta.

Filwaqt li r-rapport jitlob aġġustamenti fil-mudell ekonomiku, iwissi li dan jeħtieġ li jiġi mmaniġġjat b’attenzjoni biex jiġi evitat li jingħataw xokkijiet.