Il-Wasteserv qed timpjega biss bil-kuntrattur
Il-prattika ma tawgurax tajjeb għall-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
Mill-2018 ’l hawn 348 mit-368 impjegat reklutati minn Wasterserv ġew ingaġġati permezz ta’ kuntrattur minkejja li qed iwettqu operazzjonijiet ewlenin f’din l-aġenzija tal-Istat. Il-prattika tal-outsourcing tal-funzjonijiet ewlenin flok jiddaħħlu nies direttament mal-Wasteserv qed tagħti lok għal problemi amministrattivi fir-rigward tar-riżorsi umani u xi minn daqqiet ilmenti dwar impjieg prekarju u diskriminazzjoni.
Il-kwistjoni riċentament tqajmet fil-parlament mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li staqsa lill-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia dwar in-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mill-Wasteserv bejn Settembru 2018 u l-istess xahar ta’ din is-sena. L-informazzjoni mressqa fil-parlament kienet maqsuma bejn impjegati ingaġġati direttament mill-Wasteserv u dawk permezz ta’ kuntrattur li bih l-aġenzija tikkummissjona il-funzjonijiet tagħha lil entità privata.
Iċ-ċifri jikkonfermaw li numru sproporzjonat ta’ ħaddiema kienu impjegati permezz tal- kuntrattur. Jirriżulta li għal kull impjegat ingaġġat mill-Wasteserv, 17 kienu impjegati permezz ta’ kuntrattur bil-figuri rispettivi matul il-perjodu ta’ erba’ snin kienu 20 u 348.
Analiżi aktar dettaljata tal-informazzjoni turi li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ġew impjegati 177 ħaddiem permezz tal-kuntrattur li minnhom 68 f’Mejju biss. L-istatistika tikkonferma wkoll li l-outsourcing qed issir is-sors ewlieni ta’ reklutaġġ fil-Wasteserv bil-figuri rispettivi jkunu 19-il ħaddiema fl-aħħar erba’ xhur tal-2018, 60 fl-2019, 92 fl-2020 u 177 sa Settembru ta’ din is-sena. Għall-kuntrarju r-reklutaġġ dirett mal-Wasteserv sar l-eċċezzjoni b’żewġ impjegati biss fl-aħħar erba’ xhur tal-2018, tlieta fl-2019, 11 fl-2020 u erbgħa biss sa Settembru ta’ din is-sena.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru tal-Ambjent naqas milli jiġġustifika r-raġuni għaliex il-Wasteserv saret tiddependi biss fuq l-outsourcing. Madankollu, ir-rimarka tiegħu li dan ir-reklutaġġ kien meħtieġ biex jiżdied il-volum ta’ skart riċiklat għall-ogħla livelli f’19-il sena, iqajjem aktar u aktar mistoqsijiet, peress li ż-żieda fl-operat ma kinitx okkażjoni ta’ darba. Tabilħaqq, kienet konformi mal-istrateġija tal-gvern għall-ġestjoni tal-iskart fit-tul li għandha l-għan li tilħaq miri għoljin tal-UE.
Filwaqt li ma tantx jagħmel sens li l-operazzjonijiet ewlenin jiġu outsourced lil entitajiet terzi, il-prattika qed tagħti lok għal problemi serji oħra. L-ewwel nett, impjegati li jkunu fuq il-kotba tal-kuntrattur jistgħu jsibu ruħhom mitlufa meta jkun hemm xi kwistjoni fuq ix-xogħol peress li mhux ċar jekk għandhomx ifittxu rimedju mingħand min iħaddimhom jew mill-Wasteserv li wara kollox huwa l-post tax-xogħol tagħhom. Inċident komuni li seħħ ta’ spiss f’dawn l-aħħar snin għandu x’jaqsam ma’ żbalji fis-salarji bl-aġenzija u l-kuntrattur ifarfru jekk mhux iwaħħlu f’xulxin għad-detriment tal-impjegati milquta.
Id-dipendenza żejda fuq l-outsourcing qed tagħti wkoll lok għal sitwazzjonijiet fejn l-impjegati tal-aġenzija jkollhom kundizzjonijiet aħjar minn dawk tal-kuntrattur, minkejja li jagħmlu l-istess xogħol. Konsegwentement, impjegati li jaħdmu mal-kuntrattur qed jitilfu benefiċċji, żidiet annwali u opportunitajiet ta’ promozzjoni. Matul is-snin id-distakk qed jikber bir-riżultat li d-diskrepanza fis-salarju qed tilħaq l-eluf ta’ ewro.
Fil-proposti tagħha għall-Baġit 2022, il-UHM Voice of the Workers irrakkomandat li l-impjegati li jaħdmu għal kuntrattur f’entitajiet tal-Istat għandhom igawdu l-istess kundizzjonijiet bħall-impjegati tal-gvern rispettivi u jkollhom l-istess opportunitajiet u drittijiet fir-rigward ta’ żidiet, allowances u progressjoni. Madankollu, l-UHM qed tinsisti li l-operazzjonijiet ewlenin m’għandhomx jiġu outsourced l peress li din il-prattika qed tagħti lok għal abbużi. L-outsourcing għandu titqies biss għal operazzjonijiet marġinali li mhumiex kruċjali fl-operazzjonijiet tal-entità.