Il-problema tat-traffiku qed tmur għall-agħar
It-traffiku f’pajjiżna qed jaggrava. In-numru ta’ vetturi fit-toroq qed jiżdied u jibqa’ jissupera l-isforzi u l-progress fl-infrastruttura tant li nesperjenzaw il-konġestjonijiet. Dan qed jaffettwa b’mod negattiv lil ħajjitna f’ħafna modi, bħal żieda fit-tniġġis, riskji fiżiċi u mentali u żieda fin-nefqa ekonomika permezz ta’ ħela ta’ ħin u fjuwil. Fi kliem ieħor, l-għajxien tagħna qed jieħu daqqa ‘l isfel.
Gvern wara l-ieħor ipprova jsib soluzzjoni għall-konġestjonijiet fit-toroq imma l-isforzi tagħhom kulma jmorru qed jisfumaw fix-xejn għax il-pubbliku aktar qed juża l-vettura privata tiegħu biex jasal fejn għandu jasal.
Ħudu s-sitwazzjoni fil-jiem tax-xogħol filgħodu. Għalkemm wieħed japprezza l-impenn ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta biex jikkontrollaw it-traffiku, xi wħud minnhom flok iħaffu l-proċess qed joħolqu l-konġestjonijiet huma stess. Persuna li tkellmet ma’ Voice of the Workers fissret il-frustrazzjoni tagħha biex mis-Siġġiewi tmur għall-post tax-xogħol tagħha l-Belt. Hi qalet li jum minnhom telqet mid-dar fis-7.30 a.m. u waslet għax-xogħol fid-9 a.m. Nofs siegħa biss mit-traġitt qattgħetha f’dik li jgħidulha l-‘benniena’ bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.
Barra minn hekk il-ħaddiema barranin li qed jgħixu f’pajjiżna, li qabżu l-50,000 persuna, wkoll qed jagħmlu impatt qawwi fuq l-infrastruttura tat-toroq tagħna. Dan qed iżid aktar stress fuq il-ħaddiema Maltin li qed jaħsbu ferm qabel sabiex jaslu għax-xogħol fil-ħin.
Bħalissa għaddejjin l-eżamijiet tal-O’ Levels u ssib ħafna ġenituri li sabiex iserrħu rashom saħansitra qed iwasslu lil uliedhom xi sagħtejn qabel ma jibdew l-eżamijiet. Forsi ssib min jgħid li din esaġerazzjoni imma fid-dawl tal-ġenn li għandna fit-toroq, mhux aħjar dak li jkun jieħu l-prekawzjoni meħtieġa u jaħsiblu kmieni? Inkella nibku!
Kollox ma’ kollox, m’hawnx pjan ħolistiku u l-iżvilupp li qed isir fit-toroq qed jitwettaq mingħajr ma nikkunsidraw il-ħarsien tal-popolazzjoni. Il-Gvern qed jisħaq biex itejjeb l-infrastruttura tat-toroq li kellha ssir ilbieraħ meta fil-verita’ jeħtieġ li nifhmu u nibnu toroq għal għada. Jeħtieġ li bis-serjeta’ tinħoloq kultura li tilqa’ kunċetti lil hinn minn dawk preżenti sabiex ħajjet u saħħet iċ-ċittadini jkunu aħjar.