Il-Prim Ministru għandu jagħti d-dinjità lill-ħaddiem
Waqt il-kampanja tal-Elezzjoni għall-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, u b’mod awtomatiku l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta, spiss konna nisimgħu lil Dr. Robert Abela jgħid li għandu lill-ħaddiema għal qalbu u jemmen li dawn għandhom ikollhom paga xierqa. Xi drabi hu saħansitra tenna li jemmen fil-kunċett ta’ Equal Pay for Work of Equal Value.
Issa li ġie elett, tajjeb li charity begins at home. F’dan il-każ, iżda, mhux karità irridu, iżda li nsarrfu d-dritt li ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jingħataw l-istess kundizzjonijiet. U jekk dan id-dritt ma jibdiex jingħata lill-ħaddiema li jagħtu servizz lill-Gvern, li l-Prim Ministru jiġi kap tiegħu, lil min tridna nagħtuh?
Steward Health Care, issa ilha aktar minn sentejn taħdem f’Malta. Din il-kumpanija ġiet wara li xtrat l-isptarijiet mingħand Vitals Healthcare, li iżjed smajna fuq x’daħħlu milli x’għamlu. Ftit li xejn jista’ jingħad differenti fuq Steward Health Care, fejn żgur li sal-lum la biddlet work practices għall-aħjar, u wisq inqas għamlet xi sptar mill-aktar modern bħalma kienu wegħduna. L-unika differenza li rajna, mindu ħadu l-isptarijiet f’idejhom, hija li impjegaw professjonisti li jagħmlu l-istess xogħol, fl-istess swali u fuq l-istess pazjenti bħal dawk impjegati mal-Gvern – iżda b’kundizzjonijiet inqas. Bħallikieku mhux l-istess xogħol u bl-istess dedikazzjoni qed jagħtuh is-servizz!
Għalhekk, l-appell ta’ din il-union huwa wieħed ċar: il-Prim Ministru għandu jwettaq minnufih din il-wegħda ta’ dinjità lill-ħaddiema. Il-ħaddiema li huma impjegati direttament ma’ Steward Health Care għandhom jiġu assorbiti mill-Gvern. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Gvern qed jieħu dan is-servizz u huwa l-Gvern innifsu li qed iħallas lil Steward għal dan is-servizz. Allura għaliex ma jħallasx direttament lil dawn il-ħaddiema mingħajr ma jkun hemm terzi li jdaħħlu f’buthom?