Waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-Kummissarju Ewropew Ursula von der Leyen hi li  jinkisbu l-miżuri fit-trasparenza tal-ħlas li se japplikaw madwar l-UE. Ikkunsidrati  bħala mezzi konkreti biex tkun indirizzata l-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi, il-miżuri fit-trasparenza tal-ħlas tabilħaqq huma meħtieġa fl-UE, speċjalment meta l-aħħar statistika turi li n-nisa fl-UE jaqilgħu 16 fil-mija inqas kull siegħa mill-irġiel meta jagħmlu l-istess xogħol. 

Grazzi għal tali miżuri, il-ħaddiema jista’ jkollhom id-dritt li jistaqsu għall-informazzjoni dwar il-ħlas tagħhom u dwar jekk dan jaqbilx mal-ħlas li kollegi oħrajn jirċievu għall-istess xogħol, jew xogħol li għandu l-istess valur. Jista’ ukoll jorbot lil min iħaddem biex jirrapporta dwar il-ħlas medju li jingħata għal pożizzjonijiet differenti. Barra minn hekk, tali miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta’ verifika tal-paga fejn il-ħaddiema jkunu kapaċi jiddiskutu l-kwistjoni ta’ ħlas ugwali kollettivament mal-impjegati tagħhom. 

L-imbottatura ta’ von der Leyen għat-trasparenza fil-ħlas fl-UE toħroġ mill-fatt li bħalissa tali miżuri ġew biss introdotti f’xi stati membri tal-UE fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Bħala eżempju, dawk li qed iwittu t-triq huma l-Fillandja u l-Irlanda li introduċew id-dritt għall-impjegati biex jitolbu dwar il-ħlas li l-kollegi tagħhom jirċievu jekk hemm suspetti ta’ diskriminazzjoni relatata mal-ħlas. Madankollu, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, id-Danimarka u l-Isvezja wkoll għażlu għal liġi li tobbliga lil min iħaddem biex jirrapporta fuq il-paga medja marbuta ma’ pożizzjonijiet differenti fi ħdan il-kumpanija rispettiva. Il-verifika tal-ħlas s’issa ġiet implimentata fil-Fillandja, l-Isvezja u fil-Belġju. Sadattant, fil-Ġermanja u fi Franza impjegat għandu d-dritt li jinnegozja dwar ħlas ugwali ma’ min iħaddem. 

Billi jaddottaw politika u strateġija mifruxa mal-UE dwar it-trasparenza fil-ħlas, l-istati membri kollha jistgħu jibbenefikaw minn tali miżuri, inkluż Malta fejn id-differenza fil-pagi bejn is-sessi żdiedet sa mill-2011. L-aktar importanti hu li ħaddiema madwar l-istati membri kollha  tal-UE jistgħu jkunu ċerti li malli dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ fl-UE, ikunu iżjed protetti jekk isemmgħu t-tħassib tagħhom u jżommu lil min iħaddimhom responsabbli meta jkun hemm inugwaljanza fil-pagi.