Il-prezz tal-propjetà – fejn se nibqgħu sejrin?
Iż-żieda qawwija tal-prezzijiet fis-suq tal-proprjetà bla dubju toħloq sfida kbira għall-affordabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri. B’din ir-rata, l-għażla li tixtri l-propjetà tiegħek ma tibqax miftuħa għall-maġġoranza tan-nies, anke dawk li mhux bilfors jitqiesu li għandhom dħul baxx.
F’medda ta’ 50 sena, għaddejna miż-żewġ estremi. Id-djar enormi li kienu offruti permezz ta’ skemi tal-gvern fis-snin sebgħin u tmenin ġew sostitwiti minn maisonettes u appartamenti fis-snin disgħin li madankollu kienu soluzzjoni adegwata biex tittaffa l-problema tad-djar. Sadanittant il-prezzijiet tal-propjetà fil-privat bdew jgħollu rashom iżda baqgħu affordabbli minkejja li l-binjiet bdew jiċkienu fid-daqs. Illum il-ġurnata morna fl-estrem l-ieħor hekk kif l-għażla li tixtri dar bl-arja tiegħek saret privileġġ tal-ftit.
L-istħarriġ annwali kkummissjonat mill-Malta Developers Association huwa xhieda ta’ dan. Bejn l-2015 u l-2021, l-affordabbiltà tad-djar naqset fil-kategoriji kollha. Wasalna fi stadju fejn il-prezz medju ta’ appartament hu ta’ madwar €254,000 li huwa kważi t-tripplu tal-prezz ta’ maisonette 20 sena ilu. M’għandniex xi ngħidu, id-dħul medju tal-familji ma kibirx b’rata bħal din. Konsegwentement, min qed jaspira li jixtri propjetà qed ikollu jnaqqas l-aspettattiva f’termini ta’ daqs u l-lokalità filwaqt li jkollu jissagrifika parti akbar tad-dħul tiegħu u jdaħħal idejh fil-but iktar minn qatt qabel.
Għalissa s-sitwazzjoni tista’ ma tkunx daqshekk allarmanti, peress li s-suq tal-proprjetà għadu għaddej b’saħħtu, għall-inqas skont il-kuntratti li qed ikunu iffirmati kull xahar. Madankollu, il-limitu jista’ jkun kantuniera bogħod. Ir-raġuni hi li wasalna fi stat fejn id-djar ma jistgħux ikomplu jiċkienu, iż-żieda fil-prezzijiet ma tistax tkompli tirranka u d-dħul tan-nies mhux qed ilaħħaq. Qed naraw min li ma jiflaħx iħallas lanqas l-iżgħar propjetà u qed jitħabtu anki biex jikru. Il-fatt li llum il-ġurnata l-gvern fetaħ skema li biha s-sidien prospettivi jiksbu self biex ikunu jistgħu jagħmlu d-depożitu ta’ 10% biex jissellfu mill-bank tfisser ħafna. Fi kliem ieħor wasalna fi stadju li fih ikollok self biex tikseb self! Miżuri oħra biex tittejjeb l-affordabbiltà bħal għotja ta’ €10,000 fuq perjodu ta’ 10 snin, it-tnaqqis tat-taxxa tal-boll u inċentivi għal proprjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana kellhom impatt limitat peress li ma jistgħux ilaħħqu mal-inflazzjoni tas-suq tal-proprjetà. Meta wieħed iħares lejn l-istampa l-kbira, il-problema qed tiġi wkoll minħabba l-iskema tal-passaporti li qed iżżid id-domanda għax tobbliga lill-applikanti biex jakkwistaw jew jikru proprjetà, kif ukoll iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni li wasslet biex splodew il-kirjiet.
Jekk is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata jista’ jkun hemm konsegwenzi demografiċi sinifikanti. Nuqqas ta’ affordabbiltà tad-djar tista’ jwassal għal eżodu taż-żgħażagħ, li mbagħad jista’ jkollu konsegwenza fuq kwistjonijiet oħra bħas-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Huwa għalhekk li Malta għandha bżonn sforz serju biex jitfassal pjan fit-tul biex naraw x’direzzjonijiet ekonomiċi u soċjali se nieħdu. Jeħtieġ pjan li mhuwiex marbut ma’ kunsiderazzjonijiet elettorali ta’ 5 snin iżda wieħed li verament ifittex li jindirizza l-isfida enormi tal-affordabbiltà tad-djar.