Il-politika l-ġdida tax-xogħol
Fl-aħħar għaxar snin is-suq tax-xogħol f’Malta għadda minn trasformazzjoni kbira b’setturi ġodda bħall-platform economy, ir-remote working, l-influss ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin u żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa.
Il-politika eżistenti dwar l-impjiegi tmur lura għall-2014. Seba’ snin ilu, il-prijorità kienet li jkunu hemm inċentivi biex aktar nies joħorġu jaħdmu għax kien hemm wisq nies li mhumiex attivi fis-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward, il-politika li twelldet grazzi għall-viżjoni tal-UĦM Voice of the Workers, laħqet tragwardi impressjonanti ħafna. In-nies jaħdmu telgħu minn 178,241 fl-2013 għal 258,064 fl-2019 – żieda ta’ 45 fil-mija. Sadanittant ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa żdiedet fl-etajiet kollha speċjalment bejn 25 u 54 sena fejn iż-żieda kienet minn 48% għal 74%. L-introduzzjoni tac-child care b’xejn kienet kruċjali f’dan ir-rigward. Dan wassal biex eluf li kienu inattivi ġew imħajra lura għax-xogħol grazzi għas-sistema tat-tapering tal-benefiċċji soċjali, li biha dawn il-benefiċċji baqgħu jieħduhom għal ċertu tul ta’ żmien. Mhux ta’ b’xejn li r-rata ta’ dawk mhux attivi naqset minn 40% għal 25% bit-tnaqqis ikun evidenti b’mod speċjali fost in-nisa.
Madankollu, wasal iż-żmien li ssir evalwazzjoni ta’ din il-politika. Dan għal żewġ raġunijiet: l-ewwel peress li intlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-2014 u t-tieni minħabba l-fatt li dan is-suċċess ġab sfidi ġodda.
Probabbilment, l-akbar sfida hi biex jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Hemm indikaturi inkwetanti li ż-żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni kellha impatt negattiv speċjalment fuq il-familji bit-tfal. Filwaqt li jista’ jkun li żdied id-dħul, il-membri tal-familja għandhom inqas ħin għal xulxin billi ż-żewġ ġenituri jridu jingħaqdu bejn ix-xogħol u l-qadi tad-dar. Dan qed iwassal biex familji jispiċċaw ma jieħdux biżżejjed mistrieħ u jagħmlu x-xirja mis-supermarket nhar ta’ Ħadd flok jirrilassaw qabel il-bidu ta’ ġimgħa ġdida. Waħda mill-proposti mressqa mill-UĦM f’dan ir-rigward hi li jsir proġett pilota fuq il-proposta li jkun hemm tnaqqis mill-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol mingħajr ma tonqos il-produttività. F’dan ir-rigward ir-riċerka li saret barra minn Malta hi inkoraġġanti ħafna. Għalkemm miżura bħal din mhux neċessarjament tapplika għat-tipi kollha ta’ xogħol, ikun żball jekk b’dan l-argument il-proposta tiġi rifjutata mill-ewwel.
Riċerka ppubblikata reċentement minn CNN ikkonkludiet li f’xi każijiet ġimgħa ta’ xogħol ta’ 40 siegħa huma “inutli u saħansitra ta’ ħsara”. Riċerkaturi fl-Iżlanda iddeskrivew proġetti pilota ta’ ġimgħat iqsar ta’ xogħol bħala “suċċess kbir” għax tjiebet il-produttività u l-ħaddiema qalu li qed iħossuhom inqas għajjiena.
F’żewġ proġetti pilota kbar li saru bejn l-2015 u l-2019, l-impjegati tas-settur pubbliku ntalbu jnaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom b’madwar ħames sigħat fil-ġimgħa, mingħajr ma jnaqqsu l-paga tagħhom. Wara li tqassret il-ġimgħa tax-xogħol għal madwar 35 jew 36 siegħa minflok 40, ir-riċerkaturi sabu li l-produttività u s-servizzi baqgħu l-istess jew tjiebu fil-maġġoranza tal-postijiet tax-xogħol. Madwar 86% ta’ dawk li jaħdmu fl-Iżlanda issa qed jaħdmu sigħat iqsar jew għandhom id-dritt li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom.
Fil-futur qrib, il-Ministeru tal-Finanzi se jkun qed iniedi l-politika l-ġdida dwar l-impjiegi li taqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin. Għalkemm it-tnaqqis tal-ġimgħa ta’ 40 siegħa jġib miegħu diversi sfidi, li ndeffsu rasna fir-ramel ikun żball. L-alternattiva hi li nirrassenjaw lilna nfusna li kollox jibqa’ l-istess li jfisser li l-kwalità tal-ħajja tagħna tkompli tieħu daqqa ’l isfel. Barra minn hekk biex din il-bidla tkun suċċess, huwa neċessarju li l-Gvern jikkonsulta mal-imsieħba soċjali kollha mhux l-anqas il-ħaddiema u l-unions. Din għandha tkun it-triq ’il quddiem jekk il-Gvern verament irid li kulħadd iħossu parti integrali minn din il-politika l-ġdida.