Il-pjaga tal-korruzzjoni
Fiż-żjara tiegħu f’Malta l-Papa Franġisku kien appella lill-awtoritajiet biex iħarrxu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, irawmu l-onestà fil-politika u ma jħallux żvilupp bla rażan.
“L-onestà, il-ġustizzja, is-sens ta’ dover u t-trasparenza huma l-pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivili matura. Jalla l-impenn tagħkom biex teliminaw l-illegalità u l-korruzzjoni jkun qawwi, bħar-riħ tat-tramuntana li jiknes il-kosta ta’ dan il-pajjiż,” qal il-Papa f’diskors fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta.
Għaddew ftit xhur u jidher li ftit li xejn inbidel fuq il-fronti kollha. L-aħħar skandlu għandu x’jaqsam ma’ allegazzjoni li membru tal-Kabinett u diversi uffiċjali ta’ Transport Malta allegatament indaħħlu biex xi għaddew mit-test tal-liċenzja tas-sewqan b’mod abbużiv. Iktar preokkupanti minn hekk hu l-fatt li dan l-abbuż kien allegatament ġej bil-barka tal-ministru hekk kif wieħed mill-akkużati sostna li saritlu pressjoni biex jgħin lil ċerti nies li kienu qed jagħmlu xi xogħol fil-villa tal-ministru. Filwaqt li sakemm inkiteb dan l-editorjal l-identità tal-ministru ma ġietx żvelata, l-uffiċjali li qed jiffaċċjaw dawn l-akkużi kriminali ġew sospiżi. Għalkemm mhix l-intenzjoni tagħna li nidħlu fil-merti tal-każ, kull politiku taħt sħaba ta’ allegazzjonijiet serji bħal dawn għandu minn jeddu jersaq ’il quddiem u jwarrab sakemm isimhom jitnaddaf. Sfortunatament, s’issa ftit hemm indikazzjoni li dan se jkun il-każ. Dan kollu iwassal biss biex tissaħħah il-perċezzjoni li hemm liġi għall-allat u liġi għall-annimali.
Dan il-każ ħareġ fl-istess jum li qorti illiberat eks uffiċjal tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – entità tal-Istat – minn akkużi ta’ tixħim minħabba teknikalità. Irriżulta li l-akkużat kien ġie deskritt mill-prosekuzzjoni bħala uffiċjal pubbliku, filwaqt li ma kienx. Għalhekk, il-qorti ma kellhiex għażla oħra ħlief li ssib lill-akkużat mhux ħati u lanqas biss daħlet fil-mertu tal-kawża. Dan ma kienx każ iżolat. Xi ġimgħat ilu żewġ avukati ġew illiberati li ppruvaw ixaħħmu ġurnalist minħabba teknikalità mill-prosekuzzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu tqum il-mistoqsija – Din hija biss kwistjoni ta’ inkompetenza jew hemm affarijiet ulterjuri?
Sena ilu kienu tressqu sett ta’ rakkomandazzjonijiet b’riżultat tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sal-lum xi ftit biss minnhom kienu implimentati. Il-konsegwenzi jekk ma jsir xejn se jġibu aktar inkwiet peress li jkunu qed jagħmlu art fertili għall-korruzzjoni, indħil, nepotiżmu, u kunflitti ta’ interess. Sakemm il-perċezzjoni fost il-poplu se tkun li bil-flus l-affarijiet ħżienu tista’ ddawarhom u ġġibhom tajbin, ftit hemm tama li s-sitwazzjoni titjieb.